L-emissjoni kontinwa tal-gassijiet fl-atmosfera tad-dinja kapaċi twassal għall-aktar konsegwenzi katastrofiċi għall-bniedem fi spazju ta’ tliet snin biss.
Dan waqt li l-aqwa xjenzati dwar il-klima qed iwissu li, f’dan il-perjodu, id-dinja kapaċi taqbeż il-limitu ta’ 1.5 gradi Celsius stabbilit għall-global warming u skont il-livell attwali tal-emissjonijiet tal-carbon dioxide.
L-aħħar analiżi dwar il-livell tal-global warming hi tassew allarmanti u meta l-aktar pajjiżi industrijalizzati ma jidhrux li qed iżommu mal-impenji biex inaqqsu mit-tniġġiż tal-ajru.
Kważi 200 pajjiż kienu qablu li jippruvaw jillimitaw it-temperaturi globali għal 1.5 gradi Celsius ‘il fuq mil-livelli tas-snin 1800 u permezz ta’ ftehim storiku li kien intlaħaq fl-2015. Dan biex id-dinja tevita l-agħar effetti possibbli tal-bidliet fil-klima.
Madankollu, il-pajjiżi baqgħu jaħarqu xorta ammonti rekord ta’ gass, żejt u faħam – bil-gassijiet jinfirxu fl-atmosfera u bl-impenji tal-2015 jisfumaw kważi għal kollox.
Il-bidliet fil-klima konsistenti wasslu għal konsegwenzi tat-temp mill-aktar estremi – u bil-livelli tal-baħar jitilgħu b’mod konsistenti b’theddida diretta għall-komunitajiet viċin il-kosta.
Il-Professur Piers Forster, id-Direttur ta’ Priestley Centre for Climate Futures mal-Università ta’ Leeds; qal li x-xejriet tat-temp mexijin kollha fid-direzzjoni ħażina. Sitwazzjoni karatterizzata bil-bidliet fil-klima bla preċedent u meta s-sħana tal-baħar diġà laħqet livelli stroriċi.
Dawn il-bidliet ilhom imbassra għal snin u meta l-kaġun tagħhom huma l-livelli ferm għoljin tal-emissjonijiet.
Fil-bidu tal-2020, ix-xjenzati kkalkulaw li l-umanità setgħet tiġġenera mal-500 biljun tunnellata aktar ta’ carbon dioxide li hu l-aktar gass importanti biex iżomm id-dinja sħuna. Impenn li, fih innifsu, ma kien l-ebda garanzija li l-global warming kellu jibqa’ fil-livell ta’ 1.5 gradi Celsius.
Iżda sal-bidu ta’ din is-sena, l-hekk imsejjaħ ‘carbon budget’ kien naqas għal 130 biljun tunnellata minħabba l-emissjonijiet rekord tal-carbon dioxide u greenhouse gases oħrajn bħall-methane.
Jekk l-emissjonijiet tal-carbon dioxide iżommu mal-livelli għoljin attwali ta’ xi 40 biljun tunnellata fis-sena, il-130 biljun tunnellata għandhom jagħtu lid-dinja sa tliet snin żmien sakemm l-hekk imsejjaħ ‘carbon budget’ jispiċċa eżawrit.
Sitwazzjoni bħal din – skont ir-riċerkaturi – għandha tfisser li d-dinja tkun qabżet il-limitu stabbilit mill-Ftehim ta’ Pariġi. Intant, il-vera impatt minn sitwazzjoni fejn id-dinja tkun qabżet it-threshold (1.5 C) tas-sħana b’kaġun tal-attività tal-bniedem jista’ xorta jdum aktar biex jinħass mill-perjodu li qed jikkalkulaw ix-xjenzati.