Internazzjonali

L-Ukrajna: Inizjattiva storika biex jipperswaduhom jirritornaw

L-Ukrajna, għall-ewwel darba fl-istorja, qed tippermetti ċ-ċittadinanza doppja bħala inizjattiva biex tħajjar lura l-eluf kbar tal-Ukreni li telqu mill-pajjiż. Dan permezz tal-abbozz ta’ liġi li għadda sigħat ilu mill-Parlament ta’ Kiev.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, hu fid-dmir li jiffirma l-liġi biex din tkun implimentata ‘il quddiem …Firma meqjusa bħala sempliċi formalità peress li Zelensky innifsu kien ressaq l-abbozz, matul is-sajf li għadda.

Oleksiy Chernyshov, il-Viċi-Prim Ministru Ukren u l-Ministru għall-Għaqda Nazzjonali, qal li dan hu pass kruċjali biex l-Ukreni li sabu dar fl-Ewropa u bnadi oħra tad-dinja jirritornaw f’pajjiżhom.

L-abbozz mhux biss hu indirizzat għal dawk li ħarbu mill-Ukrajna fl-2022 (wara l-invażjoni tal-pajjiż mill-qawwiet tar-Russja) iżda anki l-Ukreni li telqu minn pajjiżhom wara li r-Russi kienu okkupaw u ħatfu l-penisola tal-Krimea, fl-2014.

L-ammonti tal-Ukreni li, fil-preżent, qegħdin jgħixu barra, huma viċin l-ammonti tar-residenti attwali fl-Ukrajna. Dan meta llum hemm mat-32 miljun resident fl-Ukrajna u bl-espatrijati qed ikunu kalkulati mal- 25 miljuni.