It-tmiem ta’ staġun jagħtina l-opportunitá biex niġbru l-istatistika ta’ staġun sħiħ u b’mod fattwali, għaliex in-numri ma jista’ jmerihom ħadd, nagħmlu analiżi kostruttiva u interessanti kemm mill-aspett ta’ plejers, mill-perspettiva individwali, kif ukoll mill-aspett ta’ tim.
F’dan l-ewwel artiklu riċerkat, u bbażat fuq numri u statistika, se nkunu qed nanalizzaw punti ta’ interess li forsi ftit li xejn jingħataw importanza matul l-istaġun tal-futbol Malti.
Fil-futbol kull dettal jgħodd, iżda fl-aħħar mill-aħħar dik il-ħaġa li tagħmel id-differenza kollha hi l-azzjoni li twassal għall-gowl. Inutli tilgħab tajjeb, tkun aħjar mill-avversarju tiegħek, iżda ma tiskorjax. Għaldaqstant, hu normali li kull dilettant tal-futbol, iżda mhux biss, jagħtu l-attenzjoni fuq il-gowl għaliex mingħajr wisq għerf, fl-aħħar mill-aħħar trid tiskorja biex tirbaħ.
Illum, permezz ta’ statistika miġbura minn Replay u Net Sports, se nagħtu ħarsa lejn liema kienu dawk il-plejers li kkontribwixxew biex it-tim tiegħu skorja aktar gowls, mhux bil-konklużżjoni finali tiegħu iżda billi ta l-aħħar passaġġ li wassal għall-gowl. Fil-futbol dawn nirreferu għalihom bħala assists.
Bosta huma tal-fehma li l-assists huma aktar importanti mill-gowls. Il-plejers kważi dejjem ikollhom aktar gowls milli assists fis-sena. Għalhekk, l-assists huma aktar rari mill-gowls. Meta plejer jirreġistra numru għoli ta’ assists, l-attributi tiegħu għandhom ikunu apprezzati aktar, possibbilment aktar minn tal-iskorer innifsu, għalkemm din taf tkun interpretazzjoni suġġettiva.
Matul l-istaġun kollu tal-Malta Premier, 2024/25, l-internazzjonali Malti ta’ Floriana, Jake Grech serva l-akbar ammont ta’ assists; total ta’ disgħa. L-eks plejer ta’ Ħamrun Spartans, Birkirkara u Balzan rispettivament, skorja tliet gowls fil-Kampjonat, biex b’hekk l-ammont ta’ assists li serva kien bil-wisq aktar għola mill-gowls skorjati.

Il-klassifika tal-plejers fl-ewwel tliet postijiet bl-akbar ammont ta’ assists reġistrati fi staġun sħiħ tal-Malta Premier 2024/25
Aktar minn hekk, fil-klassifika tas-second assists, l-aħħar azzjoni ta’ plejer mit-tim li skorja l-gowl, qabel l-assist minn sieħeb fit-tim. Grech temm f’din il-klassifika finali, fit-tieni post, b’erba’ second assists. L-aktar plejer li serva second assists kien il-midfielder difensiv Brażiljan ta’ Hibernians, Khevin Rodrigo Fraga b’ħames second assists.
Khevin Fraga, li għalih l-2024/25, kien l-ewwel staġun tiegħu f’Malta, serva total ta’ tliet assists u skorja erba’ gowls.
Jekk inkomplu nanalizzaw il-klassifika ta’ liema kienu l-plejers fil-Malta Premier, li fl-istaġun li għadu kemm intemm kellhom l-akbar ammont ta’ assists, fit-tieni post insibu plejer ieħor Malti, l-internazzjonali ta’ Balzan (issa akkwist ġdid ta’ Birkirkara), Jan Busuttil. Il-midfielder offensiv ta’ 26 sena, irreġistra total ta’ seba’ assists filwaqt li skorja biss żewġ gowls f’Kampjonat sħiħ.

Jan Busuttil ta’ Balzan, li għadu kemm tħabbar bħala wieħed mill-akkwisti l-ġodda ta’ Birkirkara, matul l-istaġun li għadu kemm intemm, kellu t-tieni l-akbar ammont ta’ assists fil-Malta Premier, wara Jake Grech ta’ Floriana.
Fit-tielet post ta’ din il-klassifika, insibu aktar plejers Maltin; Joseph Mbong ta’ Ħamrun Spartans u Jurgen Degabriele ta’ Hibernians, li flimkien mal-winger offensiv fuq il-lemin, Thaylor Aldama ta’ Gżira United, l-ammont ta’ assists li servew f’Kampjonat sħiħ kien ta’ sitta.
//= $special ?>