Futbol Sport

Nico Williams dejjem eqreb li jiffirma ma’ Barcelona

Nico Williams
Nico Williams

L-aħħar rapporti fil-midja Spanjola qed jindikaw li Barcelona huma dejjem eqreb li jiffinaliżżaw l-akkwist tal-winger ta’ Athletic Bilbao, Nico Williams. Madankollu l-istess rapport jgħidu ukoll li għad hemm xi dettalji li għadhom m’humiex konklużi, qabel il-plejer ta’ 22 sena jkun jista’ jissieħeb uffiċjalment ma’ wieħed mill-akbar ħbieb tiegħu fil-ħajja personali,  Lamine Yamal f’Nou Camp.

L-indikazzjonijiet huma li Barcelona se jkunu qed jegħlbu l-kompetizzjoni ta’ Arsenal u Bayern Munich, li kienu qed juru interess fl-internazzjonali Spanjol.

Williams għandu klawżola li jkun rilaxxat jekk ikun hemm offerta għaliħ ta’ €62 miljun, u li Barcelona indikaw li huma kuntenti li jissodisfaw.

Hu mifhum li d-direttur sportiv Deco ltaqa’ ma’ Williams u r-rappreżentanti tiegħu f’Ibiza aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn intlaħaq ftehim verbali.

Oriġinarjament, Barcelona kienu qed jesploraw il-possibiltá li jiksbu lill-winger Luis Diaz mingħand Liverpool, iżda dak li naffarhom milli jikkonkludu dan it-trasferiment kienet il-valutazzjoni ta’ £80 miljun li ċ-champions Ingliżi għamlu bħala kundizzjoni biex iċedu lill-internazzjonali Kolombjan.