Lokali

Omm il-mara maqtula ċċempel lir-Rai u tgħidilhom li l-vittma jisimha Anastasia

L-attenzjoni tal-midja Taljana fuq Malta. X’ġara eżatt? Min hi l-mara maqtula? Kif seħħ dan id-delitt doppju? U x’inhi r-rabta ma’ Malta?

Wara l-orrur ta’ Villa Pamphili f’Ruma, dawn huma wħud mid-domandi li qed jitressqu mhux biss mill-investigaturi iżda wkoll mill-ġurnalisti Taljani li jinsabu f’pajjiżna f’dawn il-ġranet. Bil-programm popolari ‘Chi l’ha visto’ jiddedika parti kbira mill-ħin tiegħu għal dan l-arrest ta’ Francis Kaufmann – jew Rexal Ford, kif kien iħobb isejjaħ lilu nnifsu.

Kollox beda b’email f’April li għadda, meta Kaufmann beda jfittex xogħol ta’ direttur fl-Italja fis-settur tal-films. U qed jingħad li qabel telaq lejn il-pajjiż ġar tagħna, kien saħansitra reġa’ biddel l-identità tiegħu – u beda juża l-isem Matteo Capozzi.

Skont il-midja Taljana, Kaufmann ħarab minn port Malti permezz ta’ jott. U miegħu ħa lit-tifla tiegħu u lis-sieħba. B’rapporti issa qed jindikaw li din, possibbilment, kienet mara Russa. Skont ommha, jisimha Anastasia – u kienet din l-istess omm li kkuntattjat lil ‘Chi l’ha Visto’, għaliex għarfet wieħed mit-tatoos ta’ bintha.

Intant, issa…. qed jiġi rrappurtat li t-tarbija li nqatlet f’Ruma, li tiġi bint Kaufmann, kellha sena. Għaliex anke fuq l-età kien hemm dubju. Bħalma hemm dubju fuq l-isem, għaliex hemm min qed jgħid li din it-tifla kien jisimha Andromeda.