minn Mark A. Sammut Sassi
Billi l-ġimgħa l-oħra kien l-40 anniversarju mill-bidu tal-Ftehima Schengen, kont se nikteb dwaru llum, u dwar l-importanza li nissalvagwardjaw dik il-kisba importanti, li permezz tagħha ngawdu l-libertà li naqsmu l-fruntieri nazzjonali mingħajr proċeduri doganali jew ta’ verifika tal-passaport.
Il-Ftehima Schengen kienet iffirmata fuq id-dgħajsa Princesse Marie Astrid nhar l-14 ta’ Ġunju 1985, minn ministri mil-Lussemburgu, il-Belġju, il-Pajjiżi Baxxi, Franza, u l-Ġermanja. Iz-Zona Schengen illum fiha 29 pajjiż Ewropew, inklużi pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, bħall-Iżlanda u n-Norveġja, li uffiċjalment neħħew il-kontrolli mal-fruntieri komuni.
Dil-libertà hi prezzjuża u għandna ngħożżuha. Fuq kollox, għandna namministrawha tajjeb. Kif intqal waqt iċ-ċerimonja li fakkret dal-anniversarju fir-raħal ċkejken ta’ Schengen (fil-Lussemburgu): “Irridu ngħidu le għall-kontrolli interni tal-fruntieri fl-UE. Hu ta’ importanza kbira li nżarmaw il-konfini f’imħuħ in-nies mhux nerġgħu nibnuhom. Schengen jeħtieġ li jgħix.” Bħalissa, il-Ġermanja, l-Awstrija, Franza, l-Italja u l-Pajjiżi Baxxi qed jikkunsidraw jerġgħu jdaħħlu l-kontrolli mal-fruntieri. Dwar dan kien beħsiebi nikteb.
Iżda mbagħad waqa’ dak il-bini Paceville
Allura deherli li għandi nikteb dwar libertà oħra, li f’pajjiżna tinsab mhedda. Il-libertà li tkun f’darek bil-kwiet u ma tgħixx bil-biża’ li se jaqa’ l-bini ta’ ma’ ġenbek għax xi kuntrattur ardit jaħseb li dan li hu l-Wild West.
Hemm mod u mod fix-xogħlijiet ta’ demolizzjoni u kostruzzjoni. Mod meta l-ġar jagħmel ix-xogħlijiet għax għandu bżonn (tiswija, manutenzjoni, tkabbir, eċċ). U mod kompletament ieħor meta l-ġar jagħmel ix-xogħlijiet għal skopijiet ta’ qligħ.
Meta x-xogħlijiet huma bżonn, huwa bwon viċinat li nikkopera mal-ġar tiegħi. Meta x-xogħlijiet huma għal skop ta’ qligħ, allura jidħlu kunsiderazzjoni etiċi u morali xort’oħra.
Għax meta qed nikkopera mal-ġar tiegħi hu u jsewwi għall-bżonn, qed inkun ġar tajjeb. Imma meta l-ġar tiegħi għaddej bi proġett għall-qligħ, l-ewwel dover morali tiegħi hu lejja nnifsi u l-obbligu tal-bwon viċinat jaqa’ fuqu: hu jrid iġib ruħu ta’ ġar tajjeb. Mhux sew li l-qligħ jagħmlu hu minn fuq dahri.
Dal-prinċipju donnu mhux mifhum f’pajjiżna
L-hekk-imsejħin żviluppaturi jixtru dar, iwaqqgħuha, itellgħu blokka appartamenti, u x’jimpurtahom minn kemm jikkumplikaw il-ħajja tal-ġirien waqt li għaddejjin ix-xogħlijiet!
X’jimpurtahom kemm itellfuhom irqad bit-tħaffir, bl-inġenji għaddejjin bla waqfien mis-sigħat bikrin tal-għodwa!
X’jimpurtahom minn min jaħdem bix-xift, jew minn min hu marid, jew minn min irid jistudja!
X’jimpurtahom mill-ħsarat li jikkawżaw, dħul ta’ ilma, konsenturi, u l-bqija!
Hawn l-idea li għax tkun ġibt il-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar allura tista’ tħarbat ħajjet in-nies tal-madwar!
Bħalkieku permess mill-Awtorità tal-Ippjanar (xi kultant miksub bil-qerq) hu permess biex wieħed jagħmel li jrid! Saħansitra jwaqqa’ l-bini tal-ġirien sforz it-traskuraġni jew l-ardir! Saħansitra jieħu ħajjet in-nies li jkunu joqogħdu bieb ma’ bieb mal-proġett, bħalma ġara fil-każ ta’ Miriam Pace.
Biex imbagħad itellagħlek ħajt mogħla s-smewwiet u addiju l-veduta li qabel kont tgawdi mill-bejt! Mhux biss! Issa jkollok ammont kbir ta’ nies iħarsu fil-ġnien tiegħek, jew mill-gallariji l-ġodda jħarsu fit-twieqi tiegħek, għax ir-regola tas-76 cm tisfa’ biċċa għaġina li tista’ ġġebbidha u tilgħab biha kif trid!
Ma jeżisti l-ebda kunċett ta’ kumpens finanzjarju impost bil-liġi favur il-ġirien li jgħaddu martirju waqt li għaddej proġett!
Mhux biss, talli l-Istat – immexxi minn dal-Gvern amatorjali – iħares impotenti, jekk mhux saħansitra kuntent b’dal-“progress” kollu li minjaf kemm jara envelopes jibdlu l-idejn!
Din kriżi f’dal-pajjiż
U ma jien qed nara xejn li jindika li hemm il-volontà min-naħa tal-Gvern li jrażżan l-isfreġju, l-irromblar minn fuq in-nies, il-bdil ta’ wiċċ pajjiżna mingħajr ebda konsiderazzjoni għall-prinċipju li hemm fil-Kostituzzjoni li l-Istat obbligat iħares il-patrimonju Malti.
Il-ħakma tan-Nies tar-Raba’ Sular infirxet mal-pajjiż kollu, bħax-Xejn li jibla’ kollox f’dak il-film straordinarju tal-1984, The Neverending Story. It-titlu donnu propizju għal dak li għaddej minn Malta: neverending story – storja li ma tispiċċa qatt… ir-regħba tibqa’ għaddejja teħġem il-ġmiel, sa ma fl-aħħar kollox imut.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 19 ta’ Ġunju, 2025.
//= $special ?>