Opinjoni

OPINJONI: Inħarsu ’l quddiem

minn Andrew Agius
Kandidat Partit Nazzjonalista

Stħarriġ hu serje ta’ ċifri miġbura minn organizzazzjoni jew oħra biex tieħu l-polz tal-mument.
Stħarriġ jista’ jkun dwar l-imġiba tal-familji, l-interessi personali, il-moda, it-teknoloġija, l-għażliet finanzjarji jew il-politika, fost ħafna affarijiet oħra.
Ħafna drabi nirċievu xi telefonata dwar stħarriġ: jistaqsuna jekk għandniex dawk il-ħames minuti, sakemm jgħaddu magħna mistoqsija wara l-oħra u jirreġistraw it-tweġiba tagħna.
L-istħarriġ huwa għodda imprezzabbli għal min irid jieħu deċiżjonijiet, ifassal policies, jew sempliċement irid informazzjoni utli dwar il-preferenzi tal-poplu.
Huwa wkoll għodda tajba biex min qed jirrispondi jgħaddi messaġġ ċar.
Din il-ġimgħa, stħarriġ popolari u regolari maħdum minn gazzetta lokali tana stampa tal-preferenzi tal-votanti f’pajjiżna. Il-poplu reġa’ tkellem, u ttieħdu deċiżjonijiet kbar. Illum ninsabu f’kampanja biex jiġi elett kap ġdid għall-Partit tagħna.

Żewġ punti li wieħed irid janalizza
Hawn hekk irrid noħroġ żewġ punti li joħorġu ċari daqs il-kristall dwar l-avvenimenti riċenti: L-istħarriġ jista’ jkun għodda politika b’saħħitha.
Tkellimt fil-qasir dwar dan il-fatt ftit ilu f’artiklu pubblikat fil-ġurnal In-Nazzjon. Daqskemm l-istħarriġ jista’ jintuża bħala għodda biex nifhmu l-qagħda tal-poplu, daqstant ieħor jista’ jkun immirat b’għan u aġenda politika.
Ilna snin nisimgħu retorika qawwija kontra t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Il-kritika ntlaqgħet u saru passi kbar, imma l-kritika baqgħet kif kienet. U ġiet imsaħħa bl-istħarriġ politiku pubblikat.
Mingħajr ma nidħol fil-mertu tal-istħarriġ imsemmi, irridu nistaqsu lilna nfusna – hemm bżonn stħarriġ biex iqanqalna għal deċiżjonijiet?
L-istħarriġ għandu bias fih, jew qed jimxi b’mod bilanċjat u korrett? Noqogħdu attenti li stħarriġ u kampanji medjatiċi oħrajn ma jiddettawx l-aġenda tal-politika tagħna jew ir-rieda li nimxu ’l quddiem.
In-numri għandhom jagħtuna stampa tas-sitwazzjoni, imma mhumiex infallibbli… kif nafu sew.
Il-Partit Nazzjonalista, għal darb’oħra, reġa’ kien il-partit fuq in-naħa tas-sewwa. Il-poplu wera x-xewqa tiegħu, il-preferenza tiegħu. U għal darb’oħra ma sabx partit supperv, partit trux għas-sejħa.

Importanti li nfittxu tmexxija ta’ eżempju
Il-Partit Nazzjonalista jħares lura lejn tmexxija ta’ eżempju, u għal darb’oħra rajna kap tal-partit li jisma’, jixtarr u jieħu deċiżjoni f’waqtha għall-ġid komuni. Mhix faċli. Kien hemm deċiżjonijiet.
Min-naħa tar-rappreżentanti fil-Gvern li kellhom ikunu ferm iktar faċli iżda ma tteħdux. Għaliex?
Għax f’Malta ħareġ għal darb’oħra b’mod ċar min hu marbut mal-poter u min qiegħed fil-politika għas-servizz tal-poplu.
Għalhekk nixtieq ngħid grazzi. Grazzi lil Bernard Grech talli għal darb’oħra tajt eżempju. Eżempju ta’ serjetà. Ta’ dinjità. Ta’ karattru.
Kap ġdid se jiret partit iktar b’saħħtu u magħqud fil-konvinzjoni li jkun gvern alternattiv għal pajjiżna. Partit b’grupp parlamentari u grupp ta’ kandidati żgħażagħ leali u ħerqan biex jaħdem għal pajjiżna.
Dan hu mertu tat-tmexxija għaqlija li kellna. Inħarsu ’l quddiem biex niktbu l-kapitlu l-ġdid ta’ dan il-Partit sabiħ tagħna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 15 ta’ Ġunju, 2025.