Opinjoni

OPINJONI: Minn Tehran sa Tel Aviv

Dħaħen kbar ħerġin mill-kwartieri ġenerali tat-televiżjoni tal-Istat Iranjan wara attakk minn Iżrael nhar it-Tnejn li għadda
Niftakru li fl-aħħar mill-aħħar kemm f’Tel Aviv u kemm f’Tehran hemm nies tad-demm u l-laħam bħalna. Hemm familji li bla dubju ta’ xejn iħossu sens qawwi ta’ biża’ meta fuq is-saqaf ta’ darhom jaraw il-missili għaddejjin

minn Angelo Micallef

Il-prospett li xi darba tfaqqa’ gwerra bejn Iżrael u l-Iran kien dejjem prospett li d-dinja kollha tibża’ minnu.

Iżrael u l-Iran ilhom għedewwa mortali mir-rivoluzzjoni Iranjana li rat lil Ruhollah Khomeini jwaqqa’ r-renju rjali tad-dinastija Pahlavi u jistabbilixxi repubblika teokratika fl-Iran.

Tant il-livell ta’ mibegħda bejn iż-żewġ pajjiżi huwa qawwi li mill-Iran spiss naraw xeni ta’ protesti fejn tinħaraq il-bandiera ta’ Iżrael jew nies jirfsu l-bandiera ta’ Iżrael filwaqt li l-pajjiż kważi kważi jirrifjuta li juża l-kelma Iżrael u minflok jirreferi għal dak il-pajjiż b’termini bħal pereżempju ‘ir-reġim Zionista’.

Min-naħa l-oħra Iżrael regolarment tkellem dwar l-Iran f’termini negattivi ħafna bi kliem ta’ twissija dwar kemm l-Iran huwa ta’ periklu fuq livell globali.

Fl-isfond ta’ dan kollu għandek ukoll bosta gwerer bejn Iżrael u alleati tal-Iran bħal pereżempju l-Hezbollah fil-Libanu.

It-tensjoni bla dubju ta’ xejn kompliet tbaqbaq tul din l-aħħar sena bil-gwerra f’Gaża fejn l-azzjonijiet ta’ Iżrael fl-istrixxa ta’ Gaża qajmu tħassib globali f’termini ta’ ksur tad-drittijiet umani u f’termini ta’ sofferenza umana.

L-aħħar żviluppi

Madankollu l-aħħar żviluppi fejn qegħdin naraw jum wara l-ieħor missili jtiru dirretament bejn Tel Aviv u Tehran iqanqal tħassib frisk f’zona fejn diġà hemm ħafna fuq xiex wieħed ikun imħasseb. Il-prospett li gwerra bejn l-Iran u Iżrael teskala huwa wieħed reali ħafna. Qegħdin nitkellmu fuq żewġ pajjiżi li fil-veru sens tal-kelma jixtiequ li l-ieħor ma jeżistix. Qegħdin nitkellmu fuq żewġ pajjiżi li huma armati sew u li allura potenzjalment għandhom is-saħħa li jħallu għexieren ta’ vittmi innoċenti. Qegħdin nitkellmu fuq l-Iran, alleat tar-Russja u Iżrael, alleat tal-Istati Uniti anke jekk f’dan l-istadju s’issa għad m’hemmx l-involviment tar-Russja u l-Istati Uniti fil-kunflitt.

Jeħtieġ li l-borma tbaqbaq tikkalma llum qabel għada

Huwa ċar li l-borma tbaqbaq fil-Lvant Nofsani jeħtieġ li tikkalma llum qabel għada. Huwa ċar li jeħtieġ li l-ostaġġi maħtufa mill-Ħamas jinħelsu mingħajr kundizzjonijiet u minnufih. Huwa ċar li s-sofferenza tal-poplu Palestinjan jeħtieġ li tintemm sabiex il-ħajja f’Gaża tibda tirritorna għan-normal.

Huwa ċar li jeħtieġ soluzzjoni fit-tul fejn iż-żewġ popli jgħixu ħdejn xulxin fi spirtu ta’ sigurtà u paċi. Tali sitwazzjoni bla dubju ta’ xejn tgħin mhux ftit biex dak li qed naraw bħalissa ma nerġgħux narawh.

Naturalment fejn jidħol l-Iran is-sitwazzjoni hija sfida separata anke jekk hemm ħolqa ċara bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet. Madankollu huwa ċar li għall-Iran il-prospett ta’ ftehim huwa mhux mixtieq diment li għad hemm il-pjaga Palestinjana miftuħa beraħ u li għal Iżrael l-Iran se jibqa’ theddida sakemm l-Iran jibqa’ jisħaq li m’għandux jeżisti l-Istat ta’ Iżrael.

L-inkonsistenza ta’ Trump

F’dan l-isfont tant perikoluż għal tant nies innoċenti huwa tat-tħassib l-inkonsistenza tal-President Amerikan Donald Trump. Jekk nieħdu biss x’qal din il-ġimgħa, beda billi saħaq li l-Iran għandu jilħaq ftehim kif għadu fiċ-ċans; kompla billi saħaq li l-Iran għandu jċedi u jgħolli bandiera bajda; kompla billi insista li m’hemm ebda involviment Amerikan fl-attakki preżenti u temm billi saħaq li l-Istati Uniti taf fil-futur qarib tagħti sehemha wkoll.

Inkonsistenza fi klima mqallba li bla dubju ta’ xejn tgħin biss biex potenzjalment naraw żbalji katastrofiċi.

Li l-President Trump jagħmel pressjoni fuq l-Iran huwa ġustifikat. Li l-President Amerikan Trump jgħid, bħalma ilhom jisħqu ħafna mexxeja globali, li l-Iran m’għandux jitħalla jakkwista armi nukleari. Li l-President Amerikan Trump juri lil Netanyahu li mhuwiex kuntent bis-sitwazzjoni f’Gaża huwa sewwa, xieraq u meħtieġ jekk nemmnu tassew fid-drittijiet umani. Però li tintuża t-tattika tal-konfużjoni ma tista’ qatt tkun ġustifikat speċjalment meta tgħin biss biex il-borma tkompli titħawwad.

Il-familji f’Tel Aviv u Tehran

Ejja niftakru li fl-aħħar mill-aħħar kemm f’Tel Aviv u kemm f’Tehran hemm nies tad-demm u l-laħam bħalna. Hemm familji li bla dubju ta’ xejn iħossu sens qawwi ta’ biża’ meta fuq is-saqaf ta’ darhom jaraw il-missili għaddejjin. Ejja niftakru li b’paċi dejjiema u ġusta jirbħu n-nies innoċenti filwaqt li bi gwerer imdemmija jkun hemm biss żieda fil-vittmi ma’ kull jum li jgħaddi.

Naturalment il-paċi trid tkun waħda ġusta. Trid tkun waħda li tipprovdi n-normalità lill-poplu Palestinjan. Trid tkun waħda li tipprovdi s-sigurtà lill-poplu Iżraeljan. Trid tkun waħda li tipprovdi stabbiltà pożittiva lill-poplu Iranjan.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 19 ta’ Ġunju, 2025.