Kollox jinsab imħejji biex minn Lulju li ġej vittmi tal-vjolenza domestika li fir-risk assessment li jkun sarilhom jiġu klassifikati bħala ‘extreme danger’ ikunu offruti s-servizz ta’ panic alarm. Il-panic alarm huwa apparat żgħir li vittmi ta’ vjolenza domestika jżommu fuqhom biex jikkomunikaw mal-awtoritajiet f’każ ta’ emerġenza fejn ma jkunux jistgħu jużaw mezzi ta’ komunikazzjoni oħra, fosthom is-servizz tal-112.
F’sessjoni ta’ informazzjoni mal-ġurnalisti li saret fid-Domestic Violence Hub ta’ Santa Luċija, il-ġurnalisti ingħataw informazzjoni dwar panic alarms li se jingħataw lil dawk l-aktar meqjusa f’riskju biex immedjatament ikunu jistgħu jitolbu l-għajnuna f’każijiet li lanqas hu possibbli li persuna ċċempel 112.
Dan il-proġett qed jitħaddem mill-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità tfassal b’kollaborazzjoni mal-Pulizija, l-FSWS u b’kofinanzjament mil-LESA. Il-panic alarm jingħata mill-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità, jekk dejjem ikun hemm il-kunsens tal-vittma. Wara r-risk assessment issir laqgħa mal-vittma u jiġi spjegat fid-dettall kif taħdem is-sistema u kif għandha tintuża. L-apparat innifsu huwa ċkejken u mgħammar b’teknoloġija li tagħti l-lokalizazzjoni tal-vittmi (il-parametri ta’ fejn tkun) mal-mument li jingħafas. Meta tiġi magħfusa din il-panic alarm, il-pulizija jkollhom dawn id-dettalji fis-sistema tagħhom u jkunu jistgħu jsibu lill-persuna fl-inqas ħin possibbli. Mal-ħin li tiġi magħfusa l-panic alarm, dan l-apparat jibqa’ jagħti signals ta’ fejn tkun qed tiċċaqlaq il-vittma, u jintefa biss mill-pulizija li jkunu marru fuq il-post. Vittma għandha dritt li twaqqaf dan is-servizz meta trid.
Dawn il-panic alarms huma għodda oħra ta’ prevenzjoni, fu għalhekk sar appell lill-vittmi li jkunu qed jagħmlu użu minnhom biex dejjem jibqgħu viġilanti.
//= $special ?>