Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li weġġa’ kuntistabbli u hedded surġent quddiem uliedu

Raġel ta’ 48 sena, ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta li kkaġuna ġrieħi gravi lil kuntistabbli tal-pulizija u hedded surġent waqt inċident li seħħ fi Triq Fleur de Lys, Birkirkara.

Il-każ kien jirrigwardja lil Said Salem Al Daba, u li seħħ fit-30 ta’ Marzu 2024, meta l-Pulizija kienet issejħet fuq il-post minħabba rapporti li raġel kien qed jagħmel storbju b’martell f’idu, viċin il-Butterfly Diner. Meta l-Pulizija waslu fuq il-post, sabu lil Al Daba għaddej b’imġiba aggressiva, u waqt li ppruvaw jikkalmawh, huwa irrifjuta li jikkopera u beda jirreżisti l-arrest.

Fost ir-reżistenza tiegħu, Al Daba refa’ jdejh fuq il-pulizija, u l-inċident seħħ quddiem uliedu minuri. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, qalet li dan kien każ serju ħafna, billi kull attakk fuq uffiċjali pubbliċi, speċjalment fuq membri tal-Korp tal-Pulizija, huwa intollerabbli u għandu jiġi kkundannat b’mod ċar.

Madankollu, waqt il-proċeduri ġie ppreżentat ukoll rapport mediku dwar il-kundizzjoni mentali tal-akkużat, li kien m’għadux jieħu l-mediċina meħtieġa fiż-żmien li seħħet l-aggressjoni. Il-Qorti innotat li minn dak iż-żmien ’l hawn, Al Daba reġa’ beda jieħu t-trattament mediku, kompla bil-kura, u ma reġax kiser dufrejh mal-liġi.

B’referenza għall-istabbiltà tiegħu fil-preżent u l-fatt li qed jgħix ħajja trankwilla mal-familja tiegħu, il-Qorti ddeċidiet li ma timponix piena ta’ ħabs effettiva.

Minflok, Al Daba ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal sentejn, u tpoġġa taħt Ordni ta’ Trattament kif ukoll Ordni ta’ Superviżjoni biex jassigura li jkompli jirċievi l-għajnuna professjonali li għandu bżonn.