Futbol Sport

S’issa l-akkwisti ġodda ta’ Gżira United jitilgħu għal għaxra…nofshom mingħand Melita

Jitilgħu għal għaxra l-akkwisti ta' Gżira United f'din it-tieqa tas-sajf tal-kampanja akkwisti
Jitilgħu għal għaxra l-akkwisti ta' Gżira United f'din it-tieqa tas-sajf tal-kampanja akkwisti

Jitilgħu għal għaxara l-akkwisti l-ġodda ta’ Gżira United, u dan meta għadna biss fl-ewwel jiem tal-kampanja akkwisti tas-sajf. Illum il-maroons komplew iħabbru aktar plejers ġodda li laħqu ftehim magħhom u se jkunu qed jiffurmaw parti mit-tim tal-kowċ il-ġdid Clive Mizzi.

Fl-aħħar sigħat, Gżira United ħabbru tliet plejers oħra, b’wieħed minnhom kien fuq il-kotba ta’ Melita. Il-gowlkiper Pollak ta’ 25 sena, Aleksander Lubik se jkun qed jerġa’ jilgħab fil-Malta Premier, din id-darba ma’ Gżira United biex b’hekk l-ammont ta’ plejers li l-maroons s’issa diġa’ kisbu mingħand Melita matul din it-tieqa tas-suq tat-trasferimenti hu ta’ ħames plejers.

L-erba’ plejers l-oħra, li kienu ma’ kowċ Mizzi fl-istaġun li għadda ma’ Melita, huma l-midfielder Kolombjan Santiago Martinez, l-eks plejer internazzjonali ta’ taħt il-21 sena, David Xuereb, id-difensur Spanjol Marc Van de Bovenkamp u l-attakkant u skorer prolifiku Brażiljan, Andre Costa.

Intant iż-żewġ plejers l-oħra li fl-aħħar sigħat kienu konfermati bħala akkwisti ġodda ta’ Gżira United, permezz tal-paġna soċjali tal-klabb, huma d-difensur ta’ 20 sena, Deacon Abela li fl-aħħar żewġ staġuni kien qed jilgħab ma’ Swieqi United fiċ-Challenge League, u l-gowlkiper internazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, Karl Sargent.

Abela ffirma kuntratt ta’ tliet snin ma’ Gżira United u hu prodott ta’ Valletta filwaqt li Sargent, għandu ukoll 20 sena, u hu prodott ta’ Birkirkara.