Futbol Sport

Wara li l-bieraħ ħabbru l-akkwist ta’ Franklin Sasere, illum Birkirkara jiffirmaw lil Macula

Macula
Macula

Tkompli l-kampanja akkwisti meqjusa ta’ Birkirkara, hekk kif illum issorprendew lid-dilettanti tal-futbol lokali bl-akkwist ta’ Lucas Ribeiro de Oliveira jew kif inhu magħruf lokalment, Macula mingħand Gżira United.

Sa ftit tal-jiem ilu, f’post fuq il-midja soċjali ta’ Gżira United, meta l-maroons ħabbru l-akkwist ta’ Andre Costa mingħand Melita, il-klabb żied sentenza biex jgħid li l-akkwist il-ġdid issa se jkun qed jifforma trio fl-attakk, flimkien ma’ Maxuell Maia u Macula. Dan il-post kien ippublikat nhar it-Tnejn li għadda, u li jfisser li Gżira United kienu qed jinkludu lil Macula fil-pjan tagħhom.

Madankollu f’dawn il-jiem, Birkirkara komplew jaħdmu mingħajr wisq daqq ta’ trombi, kif qed jagħmlu bosta timijiet, biex jaċċertaw li jiksbu l-firma ta’ Macula, li llu f’Malta mis-sajf tal-2022.

Hu kien inġieb l-ewwel minn Marsa, u wara nofs staġun, f’Jannar tal-2023, Gżira United kienu ffirmaw lill-winger offensiv Brażiljan.

Macula għamel sena u nofs mal-maroons, u fis-sajf tas-sena l-oħra, hu mar jilgħab għal nofs staġun fil-J2 League tal-Ġappun ma’ Ventforet Kofu. Madankollu f’Jannar ta’ din is-sena, Macula reġa’ irritorna ma’ Gżira United.

Kemm ilu f’Malta, Macula lagħab 16-il logħba mal-ewwel klabb tiegħu f’pajjiżna, Marsa u skorja 12-il gowl filwaqt li ma’ Gżira United hu lagħab 51 logħba u skorja 16-il gowl.

L-akkwist ta’ Macula minn Birkirkara jiżdied ma’ dawk li l-Istripes diġa’ ħabbru, ċioé dawk ta’ Jan  Busuttil, id-difensur mill-Urugwaj, Francisco Lopez u l-attakkant Niġerjan Franklin Sasere.

Replay hu infurmat li Birkirkara qed jikkonkludu aktar trasferimenti oħra importanti, bl-għan li l-iskwadra ta’ Stefano De Angelis tkompli tissaħħaħ, speċjalment għall-ewwel impenn tal-istaġun, ir-ritorn wara nuqqas ta’ sena minn Birkirkara fl-Ewropa.