Lokali Parlament

23 credit jew debit card fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi

L-entitajiet taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċ jagħmlu użu minn 23 credit jew debit card.

B/’kollox hemm 14-il entita fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċ.

Dan ikkonfermah fil-Parlament il-Ministru Silvio Schembri għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina li staqsa lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġi, issa li għaddew ix-xhur, jgħid jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit/debit card pubblika u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card. Staqsa wkoll għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card u x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri qal li l-ħruġ ta’ card isir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, skont il-proċedura stabbilita. Il-Ministru żied ukoll li kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi.

Jirriżulta wkoll, kif ikkonferma l-Ministru Clifton Grima għal mistoqsija oħra tal-istess Deputat Nazzjonalista, li fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni hemm 11-il entità li nħarġitilhom debit/credit card.