Internazzjonali

Gaza: Sitwazzjoni umanitarja aktar imwiegħra fost il-qtil kontinwu tal-Palestinjani qalb iċ-ċentri għat-tqassim tal-ikel

Is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza qed tiggrava minn  jum għal jum bl-Aġenzija UNICEF – l-entità tan-Nazzjonijiet Uniti li tħares l-interessi tat-tfal – twissi dwar sitwazzjoni fejn ħafna fost iċ-ċentri għad-distribuzzjoni tal-għajnuna jinsabu qalb zoni ta’ gwerra bejn il-qawwiet ta’ Iżrael u l-militanti Palestinjani tal-Ħamas.

Fil-fatt, James Elder, kelliem ewlieni għall-UNICEF, qal li s-sistema għat-tqassim tal-ikel li qed tmexxi aġenzija appoġġjata mill-Istati Uniti u Iżrael qed ‘iżżid is-sitwazzjoni diġà ddisprata għall-mijiet tal-familji.Palestinjani’. 

L-aġenzija inkwistjoni jisimha Gaza Humanitarian Foundation (GHF) u l-UNICEF u l-entitajiet ta’ fejda f’Gaza u l-madwar ħeġġew biex l-awtoritajiet Iżraeljani jindirizzaw b’mod aktar ċar is-sitwazzjoni fis-siti għall-għajnuna fejn, kuljum, qed jinqatlu dejjem aktar ċivili Palestinjani fost l-isparaturi.

U f’inċident ieħor traġiku, il-qawwiet Iżraeljani, ftit tas-sigħat ilu, qatlu 23 Palestinjan meta sparaw għal fuq il-folol miġburin f’wieħed mis-siti tal-GHF.

Ix-xhieda fl-inħawi qalu li t-tankijiet tal-gwerra tal-Iżraeljani fetħu n-nar għal fuq l-eluf ta’ Palestinjani li kienu qed jippakkjaw iz-zona u meta kienu sparati wkoll numru ta’ drones.

Fl-aħħar sigħat, il-kelliema għall-isptar ta’ al-Awda, fl-inħawi ta’ Nuseirat, ikkonfermaw li l-paramediċi kienu daħħlu numru allarmanti ta’ katavri u meta fil-kumpless kien hemm ħafna aktar minn 100 midruba taħt trattament urġenti.

Il-militar Iżraeljan baqa’ ma kkummentax dwar l-aħħar fost id-diversi inċidenti allarmanti ta’ dan it-tip, waqt li l-kelliema għall-GHF ċaħdu li qed iseħħu l-isparaturi viċin is-siti tagħhom.

Mill-banda l-oħra, il-Ministeru tas-Saħħa mmexxi mill-Ħamas f’Gaza qed jinsisti li mill-aħħar jiem ta’ Mejju ‘il hawn inqatlu ‘il fuq sew minn 400 Palestinjani waqt inċidenti simili viċin iċ-ċentri għad-distribuzzjoni tal-għajnuna.

Il-GHF kien assuma responsabbiltà għall-parti kbira tad-distribuzzjoni tal-ikel f’Gaza bħala parti mill-politika ta’ Iżrael biex in-Nazzjonjiet Uniti ma tibqax bħala l-akbar distributur tal-għajnuna lill-Palestinjani.

Dan wara assedju ta’ kważi tlett xhur mill-Iżraeljani fuq Gaza –  f’sitwazzjoni fejn il-kunsinni tal-ikel tħallew wieqfa mal-fruntiera minflok twasslu lill-familji bil-ġuh,

Iżda waqt li l-inċidenti tal-isparar irrappurtati (f’Gaza) qed jidhru relatati mal-azzjonijiet tal-militar Iżraeljan, ħarġu anki rapporti dwar gruppi ta’ armati ‘lokali’ li wkoll fetħu n-nar fuq il-familji li kienu qed jistennew għall-ikel u affarijiet bażiċi oħrajn.

F’dan ix-xenarju lanqas mhu eskluż li xi membri tal-Ħamas setgħu fetħu n-nar apposta fuq iċ-ċivili biex jattiraw l-għadab tal-komunità internazzjonali għal Iżrael.

Fi żviluppi oħra, il-UNICEF wissa li l-komunitajiet tal-Palestinjani  qed jissugraw perjodu ta’ nixfa fit-tul u fi żmien meta qed jikkrollaw is-sistemi tal-ilma f’Gaza. Jidher li, fil-preżent, qed jiffunzjonaw biss xi 40 fil-mija tal-faċilitjiaet għall-produzzjoin tal-ilma madwar il-Medda ta’ Gaza.

U f’dan ix-xenarju, James Elder qed iwissi li huma t-tfal Palestinjani li għandhom jibdew imutu bl-għatx – fost it-twissija li l-poplu kollu ta’ Gaza qed jiffaċċja emerġenza qed tikber relatata man-nuqqas tal-ilma li hu tajjeb għax-xorb fit-territorju.