“Jekk tpoġġuni f’ċella mal-Albaniż, noqtlu. Huwa ġabni f’dan l-inkwiet kollu” – il-kliem li qal lill-Pulizija Viktor Dragomanski meta ġie arrestat. Huwa dejjem qal lill-Pulizija li mar ma’ Muka u Jesper Kristiansen biss biex iwettaq is-serqa u mhux biex joqtol lil xi ħadd.
Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Saviour Baldacchino, li dak iż-żmien kien jagħmel parti mit-Taqsima tal-Kriminalità Maġġuri. Huwa qal li Dragomanski qal dan il-kliem meta kien ġie arrestat f’lukanda fil-Gżira. L-Ispettur qal li r-raġel mill-Maċedonja ta’ Fuq kien ikkopera mal-Pulizija waqt l-arrest tiegħu.
Daniel Muka ta’ 30 sena, u Viktor Dragomanski, ta’ 41 sena, akkużati bil-qtil ta’ żewġt irġiel f’Tas-Sliema f’Awwissu ta’ ħames snin ilu. Għal darba oħra meta reġa’ ssejjaħ fl-awla, Muka, huwa ma wiegħedx lill-Qorti li kien se joqgħod bi kwietu fl-iżbarra, minħabba dak li kien qed jipprotesta dwaru għax ried lill-Avukat Mario Mifsud jiddeffendih u mhux lill-Avukat Josette Sultana.
Muka għamilha ċara li għal darba oħra kien qed irrifjuta li jidħol fl-awla u iġib ruħu sew – bl-Imħallef Natasha Galea Sciberras torna li jerġa’ jiddaħħal fil-kamra ta’ wara l-awla 22 u jsegwi kollox minn fuq il-monitor kif għamel sa mill-bidu tal-ġuri.
Il-ġuri li daħal fil-ħames jum tiegħu qed jinstema’ fil-konfront tal-akkużati dwar l-assassinju ta’ Christian Pandolfino, ta’ 58 sena, u Ivor Maciejowski, ta’ 30 sena, li nqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar fid-dar tagħhom fi Triq Locker, Tas-Sliema, fl-18 ta’ Awwissu tal-2020. Iż-żewġ akkużati qed jiċħdu l-akkużi miġjuba kontrihom bil-każ qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras.
L-ewwel persuna li xehdet kienet Stephen Cachia, rappreżentant ta’ Transport Malta. Id-dehra tiegħu kienet waħda qasira, fejn spjega taħt min kienu rreġistrati l-karozzi inkwistjoni. Ma saret ebda kontra-eżami.
Wara xehed Charlo Saliba, li qal li f’Awwissu tal-2020 kien jaħdem fiċ-ċentru ta’ sejħiet ta’ Transport Malta. Saliba kkonferma li rċieva talba mill-Pulizija, magħmula mill-Ispettur James Grech, sabiex jiġu traċċati l-movimenti ta’ vettura li kellha n-numru tal-pjanċa JED082.
Huwa spjega li meta dan in-numru ddaħħal fis-sistema tagħhom, irriżulta li l-vettura kienet għaddiet minn diversi postijiet.
Il-ġurati komplew jisimgħu diversi xhieda b’rabta mal-każ fejn xehed il-mekkanik Daniel Vella li tenna li f’Mejju tal-2020 huwa kien kera karozza bajda lil Muka. Il-ftehim kien li l-kirja kienet għal perjodu ta’ tliet xhur. Waqt dan iż-żmien, Muka kien ħabat bil-karozza f’San Ġwann, u għalhekk Vella krielu karozza oħra, din id-darba – karozza griża.
Ftit wara, il-karozza l-ġdida ġiet ittowjata mill-awtoritajiet wara li Muka pparkjaha ħażin fil-lokalità tal-Furjana. Wara l-inċident marbut mal-qtil f’Tas-Sliema, Daniel Vella qal li qatt ma ra lil Muka iżjed. F’mument minnhom ix-xhud ġie mura ritratt tat-tieni karozza li kera lil Muka, u qal li kien qed jagħraf il-karozza, minkejja li kienet b’numri ta’ reġistrazzjoni differenti.
Wara xehed is-Surġent Josef Gerada li qal li wara l-qtil, it-tliet irġiel, l-akkużat u d-Daniż li ammetta – saqu mill-lokalità ta’ Tas-Sliema għall-Pietà, fejn ħallew il-karozza f’parkeġġ. Aktar tard, qabdu cab biex ikomplu l-vjaġġ tagħhom.
Is-Surġent Gerada spjega li l-cab ġiet ibbukkjata minn Viktor Dragomanski. Huwa qal li Dragomanski daħal f’kaffetterija f’Tal-Pietà u talab lill-impjegat għall-password tal-Wi-Fi, għax qal li kellu bżonn l-internet biex jagħmel il-booking tat-taxi.
Il-kameras kienu ta’ Dolce Sicilia u li kemm ġewwa u kemm barra urew li wieħed mis-suspettati jidħol fil-ħanut fil-10.53pm. Irriżulta li ħaddiem li kien interrogat b’rabta mal-każ qal lill-pulizija li r-raġel staqsa għall-password tal-WiFi tal-ħanut.
Dan kien qallu, li kellu bżonn l-internet biex jibbukkja taxi. Kompla jixhed li t-tliet irġiel wara qabdu l-cab minn fejn ‘bus stop’ ħdejn il-Junior College. Din wasslithom fi Triq Carmel, ġewwa tas-Sliema. Is-Surġent Josef Gerada kompla jixhed b’mod dettaljat dwar l-iżviluppi prinċipali fl-investigazzjoni.
Gerada spjega li waqt tfittxija fir-residenza ta’ Muka, il-pulizija sabu diversi oġġetti, fosthom katina, żewġ laptops u erba’ mobile phones. Abbażi ta’ informazzjoni oħra li miksuba mingħand Muka wara l-arrest tiegħu, il-Pulizija rnexxielha ssib il-Peugeot 107 li kien kera l-aħħar. Din il-karozza nstabet ippakkjata viċin il-lukanda Westin Dragonara.
Ix-xhud qal li s-sid tal-karozza kkonferma li kienet ġiet mikrija lil Muka. Matul tfittxija fil-vettura, il-Pulizija sabu ċavetta ta’ Volkswagen, li kienet taqbel ma’ vettura Volkswagen li kienet instabet qabel fil-Pietà. Dwar l-arrest ta’ Dragomanski, Gerada rrakkonta li dan ipprova jaħrab minn diversi gallariji qabel ma nqabad fit-triq u ġie arrestat.
Waqt il-kontro-eżami li sar mill-Avukat ta’ Dragomanski, Alex Scerri Herrera, ix-xhud ikkonferma li meta kien arrestat Daniel Muka ġewwa l-Furjana, dak kollu li nstab fir-residenza tiegħu ma kellu x’jaqsam xejn ma’ Dragomanski, u kien kollu ta’ Muka. Huwa kkonferma wkoll li Dragomanski kien urtat ħafna għal Muka għal dak li għamel, u li l-istess Dragomanski ġab ruħu sew mal-Pulizija, fejn saħansitra kien anke ħa b’idejn ix-xhud.
Huwa kkonferma wkoll li kull mistoqsija li saret lil Dragomanski ġiet imwieġba u li huwa kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija. Ikkonferma li waqt l-isparaturi huwa kien baqa’ fil-karozza u li meta ħareġ għax riedu Muka, kien irrabja ħafna ma’ Muka fuq dak li kien għamel. Ikkonferma wkoll li Dragomanski qallu li ma kellu ebda ħjiel li kienu se jiġu sparfati xi tiri lejn il-vittmi.
Wara xehed Vince Azzopardi li qal li fl-2020 kien jikri u jbiegħ il-karozzi, fuq l-isem ta’ Vince Car Hire, fejn huwa kien propjetarju tal-kumpanija. Huwa ġie muri ftehim ta’ kirja ta’ karozza lil Daniel Muka, li kienet Peugeot 206, li kellha tidħol lura fil-21 ta’ Awwissu, liema karozza ma kienitx irritornata.
Huwa jiftakar li l-Pulizija kienu ħaduh f’parkeġġ ġewwa Paceville, fejn kien hemm il-karozza tiegħu, u kienu tawh iċ-ċavetta tal-vettura u saqha u ħadha lura. L-ewwel kien tahom id-dettalji u ċċekkjaw il-karozza u ra jekk kellhiex xi daqqiet minn barra u ġewwa. Tenna li hu ma kien rahom jieħdu xejn mill-karozza lill-Pulizija. U li l-karozza tiegħu kienet ipparkjata viċin il-Casino.
Wara xehed il-Manager tal-Malta Public Transport Konrad Pulè li qal li kien intalab biex jieħu xi filmati minn fuq il-karozzi tal-linja u jgħaddihom lill-Pulizija. Hu kien għadda filmati minn diversi karozzi tal-linja lill-Ispettur James Grech, li kien talabhomlu. Huwa kien ukoll għaddielu lista tal-passiġġieri.
Wara xehdet is-Surġent Alison Formosa li tipproċessa l-armi fejn qalet li l-akkużat Daniel Muka mhuwiex li jġorr xi arma tan-nar. Qalet li t-tfittxija minn fuq is-sistema tal-Pulizija rriżulta li ma kellu ebda permess għal xi arma, u jekk fil-passat persuna kellha liċenzja, u llum, le, s-sistema turik.
L-arrest ta’ Dragomanski
Hija qalet li ilha seba’ snin taħdem fl-uffiċċju tal-iproċċesar tal-armi. Fuq mistoqsija tad-difiża, x-xhud ikkonfermat li hija kienet ġiet ordnata li tagħmel tfittxija biss fuq Daniel Muka u mhux fuq Dragomanski. Wara xehed l-Ispettur Saviour Baldacchino, li dak iż-żmien kien jagħmel parti mit-Taqsima tal-Kriminalità Maġġuri.
Baldacchino kien xogħol ‘night watch’ fil-jum tal-qtil. Huwa qal li l-Ispettur James Grech kien ta struzzjonijiet lit-tim tiegħu biex jiċċekkjaw il-karozza VW Tiguan, u ordnalhom ifittxu fiż-żona tal-Pietà.
Il-karozza instabet fil-parkeġġ tal-Isptar l-antik ta’ San Luqa, u ż-żona ġiet imdawra u ssiġillata. L-Ispettur kompla jgħid li fit-26 ta’ Awwissu, huwa rċieva struzzjoni oħra mingħand l-Ispettur Grech li l-Pulizija kienet qed tfittex persuna oħra. Il-Pulizija kienu rċevew informazzjoni li Viktor Dragomanski kien fil-Blue Bay Hotel.
Tim ta’ ħames jew sitt pulizija mar fuq barra tal-kamra tal-lukanda. Instemgħu ħsejjes ta’ moviment ġejjin minn ġewwa l-kamra. Baldacchino qal li niżel isfel u ra raġel ħiereġ mit-tieqa ta’ wara, jiġifieri Dragomanski, u jaħrab fuq il-bejt. Huwa informa lill-kollegi tiegħu.
Meta ħareġ mill-lukanda, Baldacchino sab li Dragomanski kien ġie arrestat minn sħabu l-pulizija. Il-persuna arrestata ġiet infurmata bir-raġuni tal-arrest, u ngħatat id-dritt li jibqa’ sieket. Minkejja dan, Dragomanski beda jitkellem mal-pulizija wara l-arrest.
Il-xhud qal li l-akkużat, għalkemm ma kienx ċar fid-dikjarazzjonijiet tiegħu, irrefera għal “l-Albanż” f’rabta mal-isparatura: “Jekk tpoġġuni f’ċella mal-Albanż, noqtlu. Huwa ġabni f’dan l-inkwiet kollu.” Il-pulizija ikkonferma li Dragomanski kien jidher ferm irrabjat għal Muka, u insista li jitkellem mal-pulizija mingħajr l-għajnuna ta’ avukat.
Wara xehed l-Ispettur Keith Rizzo, li dak iż-żmien kien Surġent tal-Pulizija. Huwa xehed b’mod simili għal għal Baldacchino, Rizzo spjega li kelu struzzjoni biex ifittxu l-karozza, li kienet Il-VW Tiguan li kienet dehret fl-9.45pm. Qal li l-karozza nstabet fil-21 t’Awwissu tal-2020, tliet ijiem wara l-qtil. L-Ispettur sostna li l-pjanċi tal-karozza kienu misruqa.
L-arma li ntużat fil-qtil taż-żewġt irġiel
Xehed ukoll il-Kuntistabbli Patrick Farrugia, membru fit-Taqsima tal-Forensika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, ta xhieda fil-Qorti dwar l-analiżi forensika li saret fuq ix-xena tad-delitt fejn instabu maqtula Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.
Farrugia daħal f’ħafna dettal u spjega b’mod professjonali u fid-dettal dwar kif taħdem l-arma li qatlet liż-żewġ irġiel. Il-Kuntistabbli Farrugia spjega li l-projettill li kien fatali għal Maciejowski daħallu f’rasu, u bbaża ruħu fuq l-istudji u r-riżultati miksuba mill-analiżi forensika. Hu stqarr ukoll li, skont l-evidenza forensika, it-tir li qatel lil Maciejowski ġie sparat minn distanza ta’ madwar tliet metri.
L-uffiċjal ippreżenta l-arma tan-nar li ġiet utilizzata fil-qtil doppju. Huwa spjega lill-Qorti kif tintuża din l-arma, u iddeskriviha bħala arma semi-awtomatika. Huwa żied jgħid li l-isparaturi li qatlu lil Pandolfino kienu sparati mill-viċin ħafna, indikazzjoni li l-aggressur kien qrib ħafna tal-vittma fil-mument tal-attakk.
L-espert fil-qasam forensiku li analizza x-xena tad-delitt ikkonferma li fuq il-post ġew identifikati żewġ vittmi li kienu ġew maqtula b’tiri f’rashom. Meta daħal iżjed fil-fond fil-każ qal li l-vittma Christian Pandolfino instab fil-kuritur viċin il-bieb ta’ barra, mimdud f’għadira demm, u fuq ġismu nstabu ħames feriti minn tiri ta’ arma tan-nar, li kollha ġew sparati fid-direzzjoni tiegħu.
Maciejowski, min-naħa l-oħra, instab mimdud mal-art ħdejn it-taraġ, b’tir wieħed fatali li laqtu direttament bejn għajnejh, u li kawża tiegħu tilef ħajtu fuq il-post. L-evidenza forensika indikata mill-espert tenfasizza n-natura intenzjonata u vjolenti tal-attakk, li twettaq b’preċiżjoni kbira fil-konfront taż-żewġ vittmi.
Matul is-seduta, il-Prosekuzzjoni ppreżentat immaġini meħuda minn filmati tas-CCTV, li juru ċ-ċaqliq tal-akkużati wara t-twettiq tal-omiċidju. Intwerew ukoll ritratti tal-karozzi li kienu mikrija minn Daniel Muka, kif ukoll ritratti tax-xena tad-delitt, meħuda kemm fi żmien immedjatament wara l-qtil kif ukoll l-għada.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Viktor Dragomanski qed ikun difiż mill-avukati José Herrera u Alex Scerri Herrera, filwaqt li Daniel Muka qed jingħata għajnuna legali mill-avukata Josette Sultana. Il-familji tal-vittmi qed ikunu rappreżentati mill-avukati Michaela Giglio u Joe Giglio. Il-ġuri jkompli s-Sibt fis-9am.