Internazzjonali

Iżrael-Iran: Jiżdiedu l-isforzi diplomatiċi biex il-Lvant Nofsani kollu ma jegħriqx fi gwerra totali u katastrofika

The Israeli flag flutters in front of a destroyed building at the site of an Iranian missile attack in Ramat Gan in central Israel near Tel Aviv, on June 19, 2025. A hospital in southern Israel was hit during a barrage of "dozens" of Iranian missiles on June 19, officials said, while another impact was reported by emergency services in the Tel Aviv area. (Photo by Ahmad GHARABLI / AFP)

 

Intensifikaw l-isforzi internazzjonali lejn soluzzjoni diplomatika għall-konflitt bejn Iżrael u l-Iran, fost l-iżviluppi li qed jheddu li jixħtu l-Lvant Nofsani kollu f’ħuġġieġa ta’ gwerra kontinwa.

Iżrael u l-Iran issa daħlu fit-tieni ġimgħa tal-ostilitajiet miftuħin fuq diversi fronti u meta ħadd, għalissa, ma jista’ jeskludi l-intervent militari tal-Istati Uniti fuq in-naħa ta’ Iżrael.

Sadanittant, mistenni wkoll li l-potenzi tal-Punent jagħmlu minn kollox biex iżidu l-impenji diplomatiċi ….Impenji li jistgħu, almenu, iwasslu għal pawża fl-attakki tal-qawwiet tal-ajru Iżraeljani fuq l-Iran u l-bumbardamenti tal-Iranjani fuq l-ibliet Iżraeljani.

Dan meta l-livell  ta’ periklu għar-reġjun qed jikber minn ġurnata għall-oħra minħabba l-aspett nukleari — u meta Iżrael u l-Istati Uniti mhumiex se jippermettu xenarju fejn l-Iranjani jispiċċaw fil-pussess ta’ armamenti għall-qerda tal-massa.

Fl-aħħar sigħat, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin mir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja ltaqgħu, f’Ġinevra (fl-Iżvizzera), ma’ Sayyid Abbas Araghchi; il-Ministru Iranjan bl-istess dekasteru.

It-taħditiet huma l-ewwel fażi ta’ djalogu fit-tul u meta ż-żmien qed jagħfas għal-Lvant Nofsani li tista’ tkun biss jiem ‘il bogħod milli tegħreq f’katastrofi storika.

Dan ukoll meta l-President Amerikan, Donald Trump, għandu jiddeċiedi fi żmien ġimgħatejn dwar jekk il-qawwiet tal-Istati Uniti jissieħbux fil-kampanja militari ta’ Iżrael kontra l-Iran….Fl-istess ħin, żdiedu r-rapporti li Washington qed jikkunsidra xi forma ta’ intervent militari ‘b’mod attiv’ u fejn fil-mira għandu jkun hemm is-siti tal-Iranjani għall-produzzjoni tal-materjal nukleari.

Saru wkoll il-laqgħat f’Washington bejn is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio; ir-Rappreżentant Speċjali Amerikan Steve Witkoff u s-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, David Lammy – b’talaħħar ifisser is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani bħala ‘waħda li tagħti lok għal tħassib enormi’.

U f’dan ix-xenarju, Ali Bahraini, bħala l-Ambaxxatur Iranjan għan-Nazzjonijiet Uniti, ikkummenta li ‘l-inqas ħaġa li jistgħu jagħmlu l-Ewropej għandha tinvolvi kundanna assoluta għall-aġir aggressiv ta’ Iżrael.’ L-Ambaxxatur Iranjan ħeġġeġ ukoll biex l-Ewropa twaqqaf l-appoġġ li ilha tagħti s-snin lil Iżrael.

Filwaqt li Iżrael u l-Iran komplew bl-attakki fuq xulxin, l-osservaturi fil-Lvant Nofsani ma eskludewx li l-Iżraeljani jistgħu dalwaqt iwettqu attakk ‘preċiż u speċifiku’ bil-ħsieb li jeliminaw lill-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei.

Hu minnu li Iżrael, fl-ewweġ sigħat tal-offensiva, irnexxielu joqtol lill-ogħla uffiċjali militari – flimkien ma’ diversi xjenzati nukleari – tal-Iran u issa mistenni jaqsam mill-kliem għall-fatti… Dan wara li l-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Israel Katz, tenna li l-Ayatollah Khamenei ma jistax jitħalla jgħix wara li ilu s-snin jippromwovi t-terrur u azzjonijiet intiżi għall-qerda ta’ Iżrael bħala Stat.

Intant, il-militar Iżraeljan, fl-aħħar sigħat, qal li mill-ġdid attakka lill-għexieren tas-siti fl-Iran li kienu jinkludu diversi faċilitajiet militari. Dan meta l-Iżraeljani anki sparaw id-drones lejn il-kumplessi f’Tehran magħrufin għall-produzzjoni tal-missili.

Fl-istess ħin, il-qawwiet Iranjani komplew jisparaw il-missili lejn l-artijiet ta’ Iżrael fost rapporti li ndarbu għaxar ċivili fl-inħawi ta’ Beersheba. Missila partikulari laqtet zona f’park tat-teknoloġija f’din il-belt li tinsab fin-naħa t’isfel ta’ Iżrael.

Intant, mhux eskluż li l-Iran, f’din il-gwerra, tilef aktar mijiet ta’ nies milli lest biex jikkonferma. Hu minnu wkoll li r-reġim fundamentalista f’Tehran ma ħariġx l-istatistika uffiċjali dwar il-maqtula f’pajjiżu u meta l-ġurnalisti tal-Punent huma projbiti milli jirrappurtaw dwar l-iżviluppi mit-territorji tal-Iran.