Raġel ta’ 40 sena evita li jservi xahrejn ħabs wara li l-Qorti tal-Appell Kriminali ddeċidiet li tvarja s-sentenza ta’ xahrejn priġunerija imposta fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati, wara li ħallas il-manteniment dovut lil martu u lil uliedu.
Huwa kien instab ħati li naqas milli jħallas is-somma stipulata bħala manteniment għal tliet xhur konsekuttivi – Ottubru, Novembru u Diċembru tal-2023 – kif ordnat mill-ewwel Qorti. Għar-reat, il-Qorti tal-Maġistrati kienet ikkundannatu sentenza ta’ ħabs effettiva, li ġiet appellata mill-imputat.
Filwaqt li ammetta l-ħtija tiegħu, ir-raġel sostna li kien laħaq ftehim mal-eks sieħba tiegħu, u li ħallas l-ammont kollu dovut qabel is-sentenza tal-appell. Il-parti ċivili infurmat ukoll lill-Qorti li kienet irċeviet il-ħlas kollu u rrinunzjat għal kwalunkwe pretensjoni oħra li tista’ tiġi rinunzjata mil-liġi.
Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ikkunsidrat il-fatt li l-għan ewlieni ta’ dan it-tip ta’ reat – li hu ksur ta’ ordni ta’ manteniment – mhux neċessarjament hu li l-persuna tidħol il-ħabs, imma li jiġu mħarsa l-interessi tal-familja u l-obbligi finanzjarji lejn il-persuni dipendenti.
Filwaqt li affermat is-sejba ta’ ħtija, il-Qorti rat is-sentenza orġinali bħala waħda li setgħet tiġi mibdula fid-dawl taċ-ċirkostanzi l-ġodda. Għalhekk, flok il-piena ta’ priġunerija, huwa ngħata libertà kondizzjonata għal sena, taħt il-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor matul dak il-perjodu.
Il-Qorti temmet billi wissiet lill-imputat dwar il-konsegwenzi legali jekk jerġa’ jikser il-liġi waqt il-perjodu ta’ prova.
//= $special ?>