Ambjent Lokali

Jinbidel il-Ministru, imma l-art tal-pubbliku tibqa’ taħt il-mannara – PN

Il-Gvern irid jiżviluppa art agrikola pubblika u li għadha tinħadem mill-bdiewa biex jiffaċilita żvilupp privat f’Tal-Bebbux, fiż-Żurrieq

Mal-ġurnalisti l-Ministru l-“ġdid” għall-artijiet pubbliċi Owen Bonniċi kkonferma li l-policy tal-Gvern Laburista hi li jikkonċedi artijiet pubbliċi biex jaġevolaw lil individwi u jkun il-privat li jiddeċiedi xi jsir minnhom.

Wara li għadda artijiet tal-poplu fi nħawi oħra biex jiġu żviluppati, il-Gvern Laburista issa jrid li jiżviluppa art agrikola pubblika u li għadha tinħadem mill-bdiewa biex jiffaċilita żvilupp privat f’Tal-Bebbux fiż-Żurrieq.

Waqt li jiftaħar li għadda art tal-poplu f’Bulebel, iż-Żejtun, minn entità tal-gvern għall-oħra biex, suppost, ma tiġix żviluppata, u minkejja li bil-kliem il-Gvern jgħid li jixtieq iħares l-ambjent, jippriserva l-art agrikola u jimmaniġġja fl-aħjar interess pubbliku l-art tal-poplu, bil-fatti qed jagħmel mod ieħor.

Il-Gvern Laburista għandu jieqaf mill-kantaliena li jinħeba wara awtorità bla riżorsi fl-ippjanar u wara deċiżjonijiet ta’ 19-il sena ilu, jieqaf iparla u jwaħħal fid-difetti fil-Pjanijiet Lokali u tal-proċess ta’ razzjonalizzazzjoni u minflok, jammetti li f’dawn l-aħħar 12-il sena, Prim Ministri u Ministri, wieħed wara l-ieħor, intenzjonalment staġnaw is-sistema tal-ippjanar, u llum, għalihom – kif ammetta Owen Bonnici – mhix kwistjoni ta’ ħajja jew mewt (do-or-die) li art agrikola tal-pubbliku li għadha tipproduċi u għadha tagħti karattru lill-irħula tiġi żviluppata.

Bl-istqarrija tiegħu l-Ministru Bonnici ssimenta d-deċiżjoni tal-Kunsillieri Laburisti taż-Żurrieq li marru kontra r-residenti li huma jirrappreżentaw u rrifjutaw li l-Kunsill jitlob lill-Awtorità tal-Artijiet biex tirtira l-kunsens tagħha.

Minkejja t-tidwir mal-lewża, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali qiegħed jippermetti l-irvinar ta’ parti mill-wirt kulturali u l-pajsaġġ u jmur kontra x-xewqa tar-residenti u jikkonferma li art agrikola pubblika tinkesa bit-tarmak. 

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-wegħda tiegħu li jipproteġi art li hija barra miż-żona ta’ żvilupp biż-żewġ terzi tal-Parlament, li ta’ kull sena jżid art pubblika maż-żoni meqjusin barra miż-żona ta’ żvilupp, u li jagħmel l-ambjent dritt fundamentali.

Huma dawn l-azzjonijiet konkreti u oħrajn li verament iwasslu biex l-ambjent, l-art agrikola u s-sostenibilità jkunu protetti u mhux il-kliem fieragħ tal-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista, sa mill-ewwel ġurnata fil-gvern, se jara li bl-involviment sħiħ tal-komunità jagħti prijorità lill-kwalità tal-ħajja, iċ-ċertezza, is-sigurtà u s-serħan tal-moħħ bi żvilupp verament sostenibbli li jsebbaħ l-ambjent u mhux jiekol minnu.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit, mix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina, mix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg, mill-Minority Leader u Kunsillier Lokali tal-PN fiż-Żurrieq Kyle Mifsud, u mill-Kunsilliera Lokali tal-PN fiż-Żurrieq Dino Bonnici u Marylyn Sammut.