Lokali

Jirbħu fil-Grand Prix ta’ Messina

Il-Maltiin iddominaw fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, meta sar il-Grand Prix ta’ Messina. Fost ir-rebbieħa, spikka ż-żagħżugħ Robert Farrugia Randon li rebaħ iż-żewġ kategoriji ġiovanili bla telfa.

Fil-finali tal-kategorija Under 16, Randon għeleb lil Daniele Salatino 5-2 filwaqt li fil-finali tal-Under 20, għeleb lil Nicolo Colossi 5-3.

Fil karegorija tal-Veterani, Mario Camilleri wasal sal finali fejn kien megħlub mit-Taljan Pasquale Torano. Jason Pisani wasal sas-semifinali u Massimo Cremona wasal sal-kwartifinali. John Zammit wasal sal-aħħar 16 filwaqt li Stanley Farrugia Randon, Walter Attard, Emanuel Camilleri u Valentino Zamara kienu eliminati fil-fażi tal-gruppi.

Fil-kategorija Open, George Ebejer wasal sal-kwartifinali filwaqt li Spencer Conti wasal sal-aħħar 16. Isaac Sam Camilleri wasal sal-fażi tal-barrage. Mario Fleri Soler kien eliminat fil-fażi tal-gruppi.

Fil-kategorija tat-timijiet, Bormla għal darba oħra rebbieħa wara li għelbu lil Barcellona CT tas-Serie A 2-1 wara l-ħin barrani. It-tim ta’ Bormla kien kompost minn Josef Camilleri, George Ebejer, Jason Pisani, Wolfgang Hass u Christian Haas.

Il-vjaġġar tal-atleti Maltin ikompli jkun possibbli grazzi għall-għajnuna ta’ SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.