Lokali

L-omm maqtula f’Ruma ġiet Malta biex tistudja l-Ingliż

Iż-żagħżugħa li nqatlet f’Ruma aktar kmieni dan ix-xahar u li nstabet mixħuta f’Villa Pamphili ftit tal-metri ‘l bogħod mill-ġisem bla ħajja ta’ bintha ġiet identifikata bħala Anastasia Trofimova – tfajla ta’ 28 sena, mill-belt ta’ Omsk, fir-Russja. 

Il-mara kienet identifikata grazzi għal programm investigattiv Taljan Chi l’ha Visto? meta ommha ikkuntattjat lill-ġurnalisti hekk kif għarfet it-tattoos li nstabu fuq ġisem iż-żagħżugħa.

Hija spjegat li bintha kienet ġiet tistudja f’Malta f’Settembru tal-2023 u kienet qed tikkomunika magħha regolarment; fejn spjegatilha li kienet marret toqgħod ma’ Rexal Ford f’appartament f’Marsaskala. L-aħħar komunikazzjoni li kellha magħha kienet fit-2 ta’ Ġunju permezz ta’ e-mail fejn kienet qaltilha li kellha diversi problemi fir-relazzjoni.

It-tarbija, li qed jiġi rrapportat li isimha prorpju huwa Andromeda, inqatlet ftit tal-jiem qabel ma’ għalqet sena. L-omm u l-bint instabu bla ħajja, mingħajr ħwejjeġ, mixħutin ftit ‘il bogħod minn xulxin fis-7 ta’ Ġunju; bis-suspetti assoluti jaqgħu fuq is-sieħeb tar-Russa u missier it-tarbija, Francis Kaufmann – Amerikan ta’ 46 sena, li kien biddel l-identità tiegħu għal waħda falza …bl-isem ta’ Rexal Ford.

Il-prosekuturi Taljani saħqu li l-investigazzjonijiet, grazzi wkoll għall-għajnuna li ta l-Korp tal-Pulizija f’Malta, żvelaw li t-tarbija kienet ġiet reġistrata mal-Ambaxxata Amerikana f’Malta ftit inqas minn sena ilu bħala Andromeda Ford; u kienet iġġorr il-kunjom fittizju ta’ missierha.

Mill-awtopsja rriżulta li t-tarbija nqatlet jum qabel ma nstabet bla ħajja, ċioè fis-6 ta’ Ġunju, bl-omm jidher li nqatlet bejn ħamsa u sebat ijiem qabel. Dan ifisser li l-qattiel taċ-ċkejkna reġa’ mar fil-post, fejn ħalla lil ommha mgħottija permezz ta’ basket iswed.

Kollox jindika li Francis Kaufmann assuma l-identità ta’ Rexal Ford biex jindika li taparsi kien produttur tal-films minn Hollywood – fejn saħansitra organizza profil fuq is-sit online tal-IMDB. Huwa kien wasal Malta lura fl-2021 filwaqt li ltaqa’ ma’ Anastasia ftit wara li waslet hi Malta biex tistudja l-Ingliż.

Jirriżulta li t-tfajla nqabdet tqila mill-Amerikan fl-istess xahar li waslet Malta, tant li kull min tkellem ma’ Net News spjega li jiftakarha tgħix Malta – jiftakruha qed tistenna tarbija jew bit-tarbija magħha.

Andromeda twieldet fl-14 ta’ Ġunju. U tminn t’ijiem qabel ma’ għalqet sena…allegatament inqatlet imsawwta u fgata minn missierha – abbandunata bla ħajja ftit metri bogħod mill-kadavru t’ommha. Kaufmann jinsab arrestat fil-Greċja, wara li ħarab lejn il-gżira ta’ Skiathos. Huwa qed jistenna li jiġi estradit lejn l-Italja fil-jiem li ġejjin.