Il-captain tat-tim nazzjonali Malti, Matthew Guillaumier se jkompli l-karriera tiegħu fl-ogħla diviżjoni Griega, hekk kif illum kien finaliżżat it-trasferiment tiegħu ma’ Panserraikos FC.
Wieħed mill-aqwa ambaxxaturi Maltin fil-futbol internazzjonali Malti, se jkun qed jilgħab fis-Super League 1 wara li qatta’ l-aħħar żewġ staġuni jilgħab fl-Ekstraklasa, l-ogħla diviżjoni tal-futbol fil-Polonja, ma’ Stal Mielec. Fit-tmiem ta’ dan l-istaġun pero, Stal Mielec sfaw relegati u ‘l-Guli’ kellu klawsola fil-kuntratt tiegħu, li kienet tippermettilu li setgħa jitlaq b’xejn għal ma’ klabb ieħor.
Hu mifhum li fl-aħħar ġimgħat kien hemm diviersi klabbs, inkluż mill-istess diviżjoni li kien qed jilgħab fiha Guillaumier, li esprimew l-interess tagħhom fl-akkwist tal-midfielder Malti. Madankollu l-esperjenza li Guillaumier ħa f’dawn is-sentejn li għamel jilgħab fil-Polonja, ratu jkompli jikber aktar mill-aspett kalċistiku. Dan il-fatt għen biex b’Guillaumier ħieles minn kwalunkwé irbit ta’ kuntratt, jattira interess akbar minn diversi klabbs oħra barranin, anke lilhinn mill-Polonja, kif fil-fatt ġara.
Panserraikos FC, tim mill-ogħla diviżjoni Griega, kien il-klabb li wera l-akbar interess fil-midfielder Malti ta’ 27 sena, tant li llum Guillaumier, li ġimgħa llu kien f’pajjiżna biex jiżżewweġ, għalaq l-aħħar dettalji mal-klabb li fl-istaġun 2024/25, salva postu mal-kbar tal-futbol Grieg bi żbrixx.
It-tim il-ġdid tal-‘Guli’ għandu l-laqa’ ta’ Liontaria, li tfisser iljuni, u fl-istaġun il-ġdid, huma qed iħarsu li jkunu aktar b’saħħithom fis-Super League tal-Greċja u ħatru bħala kowċ lit-Taljan, Cristiano Bacci.
Panserraikos FC hu klabb relattivament żagħżugħ fil-Greċja fejn twaqqaf 61 sena.
//= $special ?>