Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rċeviet Honoris Causa mill-Università tat-Teknoloġija ta’ Łódź, il-Polonja. Waqt il-preżentazzjoni tal-Honoris Causa, ir-Rettur tal-Università, il-Professur Krzysztof Jóźwik, iddeskriva lill-President Metsola bħala “persuna li tippromwovi l-għaqda u u li taħdem favur l-Unjoni Ewropea,” u żied jgħid li hija “waħda mill-aktar politiċi nisa prominenti ta’ bħalissa.” Huwa stqarr li l-Università tat-Teknoloġija ta’ Łódź qed tagħtiha din l-Honoris Causa għall-“kuraġġ u l-kontribut eċċezzjonali tagħha għat-tisħiħ tas-solidarjetà, l-għaqda u l-ħidma favur il-komunità fl-Ewropa.”
Meta rċeviet il-premju, il-President Metsola qalet li dan “isaħħaħ l-impenn tal-Parlament Ewropew li jkompli jibni Ewropa li tibqa’ bħala fanal ta’ tama, fejn il-valuri tal-libertà, id-demokrazija u l-ġustizzja huma l-wegħdiet tagħna għall-futur,” qalet il-President Metsola. Hija qalet li trid li l-legat tal-Ewropa jkun wieħed ta’ tama. “Ewropa li lesta li tagħmel l-għażliet diffiċli, li għandha s-setgħa li tbiddel il-ħajjiet, li tagħmel l-affarijiet aktar faċli għan-nies, li toħloq opportunitajiet, tipproteġi l-libertà, tisma’ u twettaq. Ewropa li hija kunfidenti.”
Waqt li kienet fil-Polonja, il-President Metsola ltaqgħet mal-Prim Ministru Donald Tusk hekk kif il-Polonja qed toqrob lejn tmiem il-Presidenza tagħha tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-President Metsola rringrazzjat lill-Prim Ministru Tusk għal “skambju eċċellenti” f’Varsavja. Il-President tal-Parlament Ewropew żiedet tgħid li matul is-sitt xhur li għaddew, il-Polonja wettqet riżultati, u mexxiet l-Ewropa ’l quddiem b’kuraġġ u ċarezza.
//= $special ?>