Internazzjonali

Ministru Iranjan iwissi li r-reġjun jista’ jinbidel f’infern

thevibes.com

Id-Deputat Ministru għall-Affarjiet Barranin tal-Iran, Saeed Khatibzadeh, iddikjara li jekk l-Istati Uniti jipparteċipaw fl-attakki Iżraeljani, se jinħoloq “infern għar-reġjun kollu”.

Hu sostna dan wara li l-Isptar Soroka, li jinsab fin-nofsinhar ta’ Iżrael, kien milqut minn attakk bil-missili Iranjani – attakk li ħalla 71 persuna midruba.

Il-Ministru kompla jgħid li din mhijiex gwerra tal-Amerika u għalhekk jekk il-President Amerikan, Donald Trump jinvolvi ruħu f’din il-gwerra, se jibqa’ mfakkar bħala “President li daħal għal gwerra li hu ma jappartjenix għaliha.”

Saeed Khatibzadeh, insista li “d-diplomazija hija l-ewwel għażla, iżda l-bumbardament qed ikompli – u għalhekk ma nistgħu nilħqu l-ebda ftehim.”

Huwa ripetutament sejjaħ l-attakki tal-Iran fuq Iżrael bħala “awtodifiża skont l-Artikolu 51 taċ-charter tan-Nazzjonijiet Uniti”.