Lokali Opinjoni

OPINJONI: Il-verità dwar il-finanzi tal-Gvern u l-ġid nazzjonali

Tara ċ-ċifri li joħorġu minn żmien għall-ieħor mill-Eurostat u mezzi oħra ta’ informazzjoni, u tinduna li qed ngħixu fuq żewġ pianeti differenti, waħda tal-Ministru Clyde Caruana u l-oħra tal-bqija tal-poplu
Skont rapport tal-Eurostat tat-23 ta’ Mejju ta’ din is-sena, fl-aħħar żewġ kwarti tas-sena, Malta kellha żbilanċ ta’ 0.6 fil-mija u 0.7 fil-mija fil-Prodott Domestiku Gross jew il-ġid nazzjonali. Dawn iċ-ċifri ġew aġġornati staġjonalment fit-3 ta’ Ġunju mill-istess Eurostat biex hekk fit-tielet kwart tas-sena 2004 la kien hemm żieda u lanqas tnaqqis (0-0) u fir-raba’ kwart tas-sena kien hemm żieda ta’ 0.2 fil-mija (ara grafika), dejjem bi prezzijiet tas-suq. Ċifri oħra dwar il-Prodott Domestiku Gross minn ras għal ras juru li dan tela’ bejn l-ewwel u t-tielet kwart tal-2024, minn €9,278 fl-ewwel kwart, għal €9,941 fit-tieni kwart u €10,168 fit-tielet kwart. Imbagħad niżel fir-raba’ kwart għal €8,352 u €8,181 fl-ewwel kwart

minn Joe M. Zahra

Tisma’ lill-Ministru għall-Finanzi taħseb li f’pajjiżna kollox miexi fuq ir-rubini. Tara ċ-ċifri li joħorġu minn żmien għall-ieħor mill-Eurostat u mezzi oħra ta’ informazzjoni, u tinduna li qed ngħixu fuq żewġ pianeti differenti, waħda tal-Ministru Clyde Caruana u l-oħra tal-bqija tal-poplu.
Hija stramba kif biż-żieda ta’ 21,000 persuna li żdiedu nettament mal-popolazzjoni s-sena l-oħra l-Prodott Domestiku Gross min ras għal ras naqas. Aktar u aktar meta nafu li l-ekonomija ta’ pajjiżna, Gvern Laburista bniha fuq iż-żieda fil-popolazzjoni fejn suppost li iktar ma tiżdied il-popolazzjoni aktar jikber il-ġid nazzjonali. Għax jekk il-ġid nazzjonali minn ras għal ras qed jonqos, allura qed jonqos ukoll il-livell tal-għajxien tal-poplu Malti.

Tlieta minn erba’ setturi ċkienu
Jirriżulta wkoll li fost erba’ setturi ewlenin li jikkontribwixxu għall-Prodott Domestiku Gross f’dak li huwa volum u f’dak li huwa valur miżjud tal-ekonomija flok kibru, ċkienu fl-ewwel kwart tas-sena. L-industrija naqset b’0.2 fil-mija, is-settur tal-agrikoltura u s-sajd naqqas b’0.6 fil-mija u s-settur tat-taxxi li minnu tnaqqas is-sussidji fuq il-prodotti naqas b’0.1 fil-mija. L-uniku settur li żdied kien dak tas-servizzi li kiber bi 3.8 fil-mija.
Dan kollu qed iseħħ ukoll meta l-Gvern qed jissellef mijiet ta’ miljuni fis-sena. Meta din is-sena diġà ssellef €550 miljun.
Il-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela qal li pajjiżna għandu l-aktar ekonomija f’saħħitha fl-Unjoni Ewropea. Qal li l-finanzi pubbliċi huma f’saħħithom bħal qatt qabel, iżda dan ma juruhx iċ-ċifri.
Iċ-ċifri juru li fl-aħħar tliet xhur tas-sena l-oħra, il-Gvern kellu l-ikbar żbilanċ fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Żbilanċ li ma kienx ikbar għax il-Gvern daħħal €369 miljun iktar mill-Income Tax. Kif u minfejn ma nafux għax il-Ministru għall-Finanzi ma qalilniex!
Miżura li fakritni f’waħda bi skop kuntrarja meta fl-ewwel sena tal-Gvern Laburista fl-2013, biex jitfa’ dell ikrah fuq l-amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ qabel, il-Gvern ħafer lill-Korporazzjoni Enemalta mas-€70 miljun tas-sisa fuq iż-żejt, flus li ma daħlux fil-finanzi tal-Gvern u għalhekk il-Gvern fl-2012 kellu żbilanċ ta’ iktar minn tlieta fil-mija.
Kemm kienet mossa biex toskura lill-Gvern Nazzjonalista, mossa li daħħlitna f’‘excessive budgetary deficit’ dehret fis-sena ta’ wara meta l-Gvern ġabar dak li kellu jieħu mill-Enemalta mhux biss għal dik is-sena iżda wkoll dak li kien ħafrilhom is-sena ta’ qabel!

Effett fuq id-dħul dis-sena
Din id-darba, il-Gven għamel il-kuntrarju. Ġabar iktar flus mill-Income Tax f’Diċembru biex l-iżbilanċ ma jkunx ikbar milli kien. Biex ma tidhirx il-veru qagħda tal-finanzi tal-Gvern, iżda dan kellu effett fuq id-dħul tal-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena.
Il-Ministru Clyde Caruana fi Frar li għadda qalilna li f’dak ix-xahar kellu żbilanċ fil-kontijiet tal-Gvern għax f’Diċembru kien hemm dħul straordinarju mill-Income Tax. Ġara li l-iżbilanċ ma kienx biss fi Frar iżda kompla f’Marzu u April. Tant li bejn Jannar u April, il-Gvern daħħal €32 miljun inqas mill-istess perjodu tas-sena l-oħra u nefaq €261 iktar. Hekk spiċċa bi żbilanċ ta’ €261 miljun meta fl-istess perjodu fl-2024 kellu bilanċ ta’ €23 miljun. Ma ninsewx li l-Gvern fi Frar issellef €550 miljun.
Il-Gvern qed jonfoq dak li mhux jaqla’. Dan huwa ħażin. Robert Abela qed ikompli bin-narrattiva zoppa tiegħu li l-Partit Nazzjonalista mill-Gvern segwa politika ta’ awsterità. Nesa kemm kienu jattakkaw lill-Gvernijiet Nazzjonalisti għax kienu jakkużawhom li jonfqu bl-addoċċ. Illum biddlu d-diska u dak li għamlu fl-ewwel snin tal-Gvern tagħhom iridu jitfgħuh fuq ħaddieħor.
Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem nefqu dak kollu li kien meħtieġ għall-infrastruttura, is-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni u s-settur soċjali. Gvernijiet Nazzjonalisti bejn l-1987 u l-2013 biddlu pajjiżna minn wieħed tat-Tielet Dinja għal wieħed fost dawk żviluppati.
Robert Abela jidher li nesa x’kien jgħid il-Prim Ministru ta’ qablu li mhux talli ma kienx qed iżid id-dejn iżda kien qed iħallas id-dejn li kienu għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti ta’ qabel. Mhux talli ma ħallsux id-dejn tal-Gvernijiet ta’ qabilhom, iżda f’daqqa waħda bidlu r-retorika u bdew jiddejnu bl-addoċċ.
Id-dejn tal-Gvern ċentrali taħt Gvernijiet Laburisti fl-aħħar 12-il sena żdied minn taħt il-ħames biljun għal qrib il-ħdax-il biljun. Fi 12-il sena, id-dejn tal-Gvern ċentrali iktar minn irdoppja minn dak li kien fis-sittin sena ta’ qabel! Illum tal-Gvern ċentrali qed jiddejjen b’medja ta’ biljun fis-sena. Dejn li jridu jħallsuh uliedna u wlied uliedna. Dejn li fuqu diġà qed jitħallsu miljuni kbar f’interessi. Miljuni li kieku jintefqu fuq servizzi għal min għandu bżonnhom.
Le, il-finanzi ta’ pajjiżna mhux vera huma fis-sod. Huma bużżieqa kbira minfuħa li f’xi ħin se tinfaqa’. Ma nħallux min imexxi n-narattiva li hija mibnija biss fuq ir-retorika. Teħduhiex bi kbira li l-Gvern Laburista jagħmel elezzjoni qabel baġit ieħor biex ma jurix is-sitwazzjoni ekonomika reali li fiha jinsab pajjiżna!

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 20 ta’ Ġunju, 2025.