Francis Kaufmann, l-Amerikan li preżentament jinsab arrestat fil-Greċja fuq suspett li qatel lis-sieħba tiegħu u sussegwentament lil bintu ta’ sena, ibbenefika indirettament minn €863, 000 minn fond għal films fl-Italja.
Dan ħabbru l-Ministru tal-Kultura Taljan, Alessandro Giuli hekk kif insista li permezz ta’ soċjetà, dan ir-raġel akkwista b’mod indirett dawn il-mijiet ta’ eluf ta’ ewro b’rabta mal-finanzjament ta’ proġetti ċinematografiċi.
Kien lura fl-2020 meta Kaufmann, taħt l-identità ta’ Rexal Ford, qal li qed jipproduċi film bit-titlu ta’ Stelle della Notte. Madanakollu minn dan kollu ma kien hemm assolutament xejn.
Il-Ministru Taljan insista li tali finanzjament ma jistax jaqbad u jingħata qisu xejn m’hu xejn.
L-attitudni allegatament frawdolenti ta’ Rexal Ford tidher li hija sinonima miegħu hekk kif qabel xejn jidher li kien jagħmel użu minn isem fittizju iżda mhux biss. Dan hekk kif anke f’Malta ttanta allegatament jiffroda lil numru ta’ persuni.
Qabel xejn, sid il-post fejn kien jirrisjedi f’Wied il-Għajn kien qabel miegħu li kien se jgħix waħdu, hu biss. Madanakollu tul iż-żmien kien qiegħed jgħajjex miegħu lil Anastasia, iż-żagħżugħa Russa li kienet qed tistenna it-tarbija tiegħu.
Net News tkellem ukoll ma’ sid ta’ bar f’Marsascala fejn qalilna b’mod anonimu li l-Amerikan kien ittanta jidħol jaħdem magħhom lejn l-aħħar tas-sena 2023.
Huwa spjega ma’ Net News li kien mar għandu b’file estensiv tas-CV tiegħu, fejn wera fost oħrajn li kien kok prim u kellu diversi ideat ta’ kif setgħa jtejjeb il-prodott. Kaufmann kien insistielu li fl-Istati Uniti huwa kien jaħdem fi kċina li kellha franchise tat-tacos. Madanakollu spjega ma’ Net News li kollox kien qiegħed jindika li dan ma kien minnu xejn u kien keċċieh fi ftit jiem.
Sid il-post innota wkoll li dan l-Amerikan kien eċċentriku, u li f’dawn il-ftit jiem ittanta jbiegħ idea li jkabbar l-isem tal-post u jidħol fi ħsab fil-kumpanija, mingħajr ma effettivament joħroġ ewro.
Hu kien innotat ukoll illi is-sieħba tiegħu, ċioè Anastasia, kienet dejjem takkumpanjah, bilqiegħda tistennih ilesti xogħolu – mingħajr ma tlissen kelma.
Apparti minn hekk kien hemm diversi stabbilimenti oħrajn f’Marsascala li r-raġel prova jimmanipulahom u jbiegħlhom il-gideb biex idawwar lira ta’ malajr. Intant rapporti fil-midja Taljana wera kif allegatament omm u missier Kaufmann kienu saħansitra jgħaddulu eluf ta’ dollari fix-xahar biex imantnuh…u joqgħod kemm jista jkun ‘il bogħod minnhom.