Lokali

“Storbju u kaos…hemm bżonn aktar sinerġija bejn il-Ministeri” – Miriam Dalli taħrab milli twieġeb

Il-Ministru Miriam Dalli saħqet li l-inkonvenjent infrastrutturali u ambjentali f’żoni turistiċi f’pajjiżna huwa inkonvenjent li dejjem jinħoloq.

Dawn il-kummenti waslu wara li Net News staqsa lil Ministru tal-Ambjent u l-Enerġija dwar stqarrija li ħarġet l-MHRA – stqarrija li kkundannat bl-iktar mod ċar it-tniġġis, it-traffiku, n-nuqqas ta’ sigurtà u l-kaos kaġun ta’ xogħol infrastrutturali li għaddej f’żoni turistiċi.

Il-Ministru Dalli saħqet li kważi kważi r-residenti u n-negozji jridu jidraw b’dan l-inkonvenjent. Iżda baqgħet ma qalitx jekk temminx li l-Ministeri u l-entitajiet governattivi hux qed jaħdmu biżżejjed flimkien sabiex jassiguraw li fiż-żoni milquta tinżamm il-kwalità u l-istandards meħtieġa.

Fi stqarrija l-MHRA kienet saħqet li ma jistax ikun li f’dawn iż-żoni jibqa’ jkun hemm il-konġestjoni u t-taħwid preżenti; ikkawżat minn nuqqas ta’ koperazzjoni bejn il-Ministeri fi ħdan l-istess Gvern.

L-MHRA kompliet tgħid ukoll li ż-żona ta’ Paceville, b’mod speċjali, għandha tkun żona sigura u b’ambjent mill-aqwa. Dan minħabba l-investiment li qed ikompli jsir mil-lukandiera u r-restoranti.

Huma spjegaw li biex jkun hemm ritorn b’saħħtu mill-investiment li qed isir minn dawn in-negozji…il-Gvern irid jikkopera sew sabiex l-akwata ta’ fejn hemm dawn l-istabbilimenti turistiċi, tkun waħda sana u viżibilment sabiħa.

L-MHRA qalet li għalkemm xogħol infrastrutturali huwa meħtieġ – hemm bżonn li l-ewwel nett ma jsirx fil-peak season tat-turiżmu u li ċerta xogħlijiet isiru bi pjan sabiex l-akwata ma tkomplix tiġġenera fost l-oħrajn tniġġis tal-arja mit-trabijiet; xi ħaġa li l-ebda turist f’pajjiżna ma jistenna li jaffaċja fil-btala tiegħu.