Lokali

Appell biex għada kulħadd jattendi għall-Kunsill Ġenerali

Is-sejħa hi sabiex il-Ħadd kulħadd jattendi għall-Kunsill Ġenerali Straordinarju fid-Dar Ċentrali, fejn Bernard Grech se jkun qed jagħmel l-indirizz tiegħu.

Din is-sejħa saret mis-Segretarju Ġenerali tal-PN, Charles Bonello waqt il-programm NETLIVE, il-Ġimgħa filgħaxija.

Għada se jkun qed jibda l-proċess biex jinħatar Kap ġdid tal-PN, fejn il-Kunsill Ġenerali se jkun qed japprova t-tibdiliet li tressqu fil-lagħqa tal-Eżekuttiv.

Wara l-Kunsill Ġenerali, jiftaħ il-perjodu fejn dawk kollha li huma imħajra għall-irwol ta’ Kap ikunu jistgħu jagħmlu s-sottomisjoni tagħhom.

Is-Segretarju Ġenerali spjega li jekk ikun hemm kandidat wieħed l-elezzjoni issir biss fil-Kunsill Ġenerali.

Jekk ikun hemm żewġ kandidati, dawn mill-ewwel imorru fil-Konvenzjoni Nazzjonali fejn jivvutaw it-tesserati kollha.

Jekk ikun hemm iktar minn żewġ kandidati, l-ewwel jivvuttaw il-membri tal-Kunsill Ġenerali fejn il-kandidati jitniżżlu għal tnejn. Dawn, imbgħad, imorru għall-vot tat-tesserati.

Dawk eleġibbli li jivvutaw iridu jkunu ilhom sentejn tesserati tal-Partit.

Membri zgħazagħ li l-eta tagħhom ma taqbizx it-18-il sena jkunu elegibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista sakemm ikunu ilhom sitt xhur jew aktar tesserati.