Lokali

Apprezzament lejn il-vot kuraġġuż tal-MEPs Nazzjonalisti

Kien hemm sens ta’ apprezzament lejn il-Membri Parlamentari Ewropej David Casa u Peter Agius li baqgħu bi prinċipji soddi anka fl-Unjoni Ewopea u vvutaw kontra r-rapport tal-Kumissjoni Ewropeja tal-2024.

Dan intqal fi stqarrija mil-Life Network Foundation, li spjegat kif minkejja li r-rapport preżentat lill-Membri Parlamentari Ewopej indirizza diversi kwistjonijiet importanti, dan kien jinkludi wkoll klawżola inkwetanti dwar l-abort u kif dan għandu jkun dritt fundamentali fl-istati kollha membri tal-Unjoni Ewropea.

Lifenetwork foundation uriet ukoll id-diżapunt tagħha, fl-MEP’s Laburisti Alex Agius Saliba, Daniel Attard u Thomas Bajada talli dawn ma ħadux l-istess pożizzjoni dwar din il-klawżola li timpatta is-sovranita tan-nazzjon u kif dan jipproteġi l-ħajja.

Fl-istqarrija Life Network Foundation sostniet li huma jemmnu li liġijiet dwar materji relatati mal-ħajja għandhom ikunu approvati skont it-twemmin tan-nazzjon.

Malta dejjem kienet konsistenti dwar l-importanza tal-ħajja umana u għalhekk din il-Fondazzjoni mill-ġdid uriet l-apprezzament tagħha lejn dawk ir-rapreżentanti li jkomplu juru dawn il-valuri fuq livell internazzjonali.

Life Network foundation spjegat ukoll li l-vot ta’ Peter Agius u David Casa ma kienx wieħed li jarmi is-saltna tad-dritt iżda wieħed li juri kuraġġ biex jiddefendi l-ħajja umana f’kull stadju tagħha.

Huma temmew billi appellaw lil dawk kollha li japprovaw il-liġijiet kemm lokali kif ukoll internazzjonali biex jiddefendu l-identità nazzjonali u l-għażla demokratika, speċjalment fuq kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja umana.