Lokali

Chris Bonello jirritorna d-dar wara xhur ta’ riabilitazzjoni

Wara tliet xhur ta’ rijabilitazzjoni fl-Isptar Karin Grech, il-Pulizija li kien spiċċa mtajjar f’Diċembru illi għadda wara li kien qed ibiddel tyre tal-karozza… ingħata l-aħbar li jista’ jirritorna d-dar.

Iż-żagħżugħ Chris Bonello kien sofra feriti serji, tant li spiċċa rikoverat fl-ITU jissielet għall-ħajtu.

Hu kien safa mtajjar minn karozza waqt li kien qed jirranġa puncture, b’riżultat li nqabad bejn iż-żewġ karozzi.

Bonello kien kostrett li jagħmel tliet xhur rikoverat fl-Isptar Mater Dei. Fil-bidu, hu għamel kważi ġimgħa sħiħa jissielet għal ħajtu – u wara numru ta’ interventi maġġuri, kien qaleb għall-aħjar.

Imbagħad qatta’ tliet xhur oħra fl-Isptar Karin Grech għall-fiżjoterapija.

Fl-aħħar ġimgħat, Chris Bonello rringrazzja lil kull min talab għalih u kull min wassallu messaġġ ta’ kuraġġ u pożittività.

Anke hu stess, fi żmien il-Milied, użar l-pjattaformi soċjali tiegħu biex ikun pożittiv, tant li irrepeta appelli biex in-nies jersqu ‘l quddiem u jagħtu donazzjonijiet td-demm.

Fuq Facebook, Bonello rringrazzja lill-qraba, il-ħbieb u l-kollegi tiegħu fil-Korp – flimkien mat-tim mediku li ta’ kuljum kien isibhom ta’ spalla fil-proċess ta’ fejqan tiegħu.