Il-Kumitat Reġjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex jixtieq jirringrazzja lil Bernard Grech għall-ħidma fejjieda li wettaq fi ħdan il-PN.
Il-Kumitat Reġjonali jieħu din l-okkażjoni biex ifakkar lin-Nazzjonalisti Għawdxin fl-impenn u l-preżenza ta’ Bernard Grech b’mod regolari u kontinwu f’Għawdex fejn kważi kull xahar kien isib il-ħin u jiġi Għawdex u jżur familji, negozji kbar u medji, industriji u bdiewa Għawdxin biex jiddiskuti ħidmiethom u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom.
Fi stqarrija Paul Buttigieg, President, Kumitat Reġjonali PN Għawdex spjega li din il-ħidma ssarrfet f’riżultat verament pożittiv fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali ta’ Ġunju 2024 fejn f’Għawdex il-PN reġa’ mill-ġdid akkwista maġġoranza assoluta kif ukoll rebaħ mill-ġdid il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ u żied ammont ta’ kunsillieri f’diversi lokalitajiet Għawdxin.
Il-Kumitat Reġjonali PN Għawdex jinsab konvint li Bernard Grech mhux biss se jibqa’ joffri l-ħidma tiegħu fi ħdan l-istrutturi tal-PN, imma fuq kollox se jibqa’ jkun leali lejn il-valuri u l-prinċipji li jsawru lill-Partit Nazzjonalista u li Bernard Grech kien iħaddan, jemmen fihom u jgħixhom ta’ kuljum.
Grazzi ta’ kollox, Bernard Grech, u grazzi ta’ kulma għamilt għal Għawdex u għall-Għawdxin kemm domt Kap tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>