Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lis-sitt persuni rebbieħa tal-Premju Formidabbli 2025 li ngħataw dan ir-rikonoxximent annwali waqt attività organizzata lbieraħ filgħaxija fid-db Seabank Resort & Spa fil-Mellieħa.
Is-serata tal-bieraħ kellha l-iskop li tiċċelebra l-inklussività fi ħdan is-soċjetà Maltija u tibgħat il-messaġġ li kulħadd huwa importanti waqt li ħadd ma għandu jitwarrab. Permezz ta’ dan ir-rikonoxximent, li jingħata kull sena mill-Partit Nazzjonalista, jintwera radd ta’ ħajr lil persuni li b’mod jew ieħor, jagħmlu ħilitihom biex jibnu soċjetà aħjar.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li kulħadd għandu dritt jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu fl-aspetti kollha tal-ħajja, u li kulħadd għandu dritt igawdi l-kwalità tal-ħajja li tixraqlu. U fil-fatt il-Premju Formidabbli jingħata lil persuni li minkejja li jkollhom xi tip ta’ impediment f’ħajjithom, xorta jibqgħu impenjati li jwettqu ħidma volontarja li tħalli ħafna ġid fil-komunità.

B’kollox għall-Premju Formidabbli ta’ din is-sena daħlu xejn inqas minn 33 nominazzjoni, u s-sitt rebbieħa magħżula mill-Bord huma:
· Anatole Baldacchino. Riċerkatur u attivist għad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà li għamel riċerka fuq il-mediċina Thalidomide li kienet tingħata lil nisa tqal. Kien il-vuċi tal-vittmi tat-Thalidomide. L-attiviżmu tiegħu f’dan il-qasam ikkontribwixxa biex il-Gvern jikkumpensa lil 25 vittma tat-Thalidomide li għadhom ħajjin u li qed isofru minn xi forma ta’ diżabbiltà.
· Adrian Casha. Eks referee tal-FIFA u delegat tal-logħob tal-UEFA kif ukoll Viċi President tal-MFA. Daħal fi Step Up for Parkinson’s erba’ snin ilu, peress li ħakmitu din il-kundizzjoni. Ifittex li jtejjeb b’kull mod il-ħidma ta’ din l-NGO permezz tal-media. Jispira persuni oħra biex ma jaqtgħux qalbhom fil-ġlieda kontra din il-kundizzjoni. Ta’ spiss jgħid: “Jien għandi l-Parkinson’s, imma l-Parkinson’s ma għandhiex lili”.
· Tony Cachia. Minkejja l-isfidi tal-ħajja, Tony għandu impenn kuljum – dak li jagħmel baubles biex jagħtihom lil dawk li jagħtuh appoġġ! Jagħmel xogħol volontarju fl-arkivju l-qadim tal-Isla. Il-ġurnata jibdieha bit-talb għal dawk li għandhom il-kanċer, u jagħlaq il-jum jitlob għal dawk li jieħdu ħsieb lill-pazjenti tal-kanċer u jissapportjawhom. Ftit tax-xhur ilu, flimkien ma’ oħrajn, ħoloq l-Malta Male Cancer Support Association.
· Mary Jane Cutajar. Tagħti servizz bħala receptionist fil-Millenium Chapel. Dejjem lesta tisma’ u tgħin lil kull min iħabbat il-bieb, bla ebda ġudizzju. Tinvolvi wkoll ruħha fil-komunità tal-Ibraġ. Fetħet il-bibien tad-dar tagħha u żammet magħha għal xhur immigranta li nqabdet f’sitwazzjoni diffiċċli. Ma ħallietx id-diżabbiltà tagħha tkissirha, imma minflok dawret ħajjitha b’impenn sħiħ lejn is-soċjetà.
· Erika Ferrante. Taħdem fil-qasam taż-żgħażagħ li jħossuhom waħidhom u jsibuha diffiċli jsibu ħbieb. Waqqfet għaqda bl-isem Eri Ferry Cinematic Universe li sservi bħala spazju għal dawk l-adolexxenti u żgħażagħ li qegħdin fuq l-Ispettru tal-Awtiżmu u l-ADHD. Indirizzat il-Parlament Ewropew waqt il-Euroscola Day. Għandha paġna fuq l-instagram Cooking with Eri Ferry fejn ittella’ posts tat-tisjir.
· Nicole Muscat. Fi tfulitha kienet involuta f’diversi proġetti bħal The Prince’s Trust u anke kompetizzjoni tal-arti diġitali. Fl-2019 rebħet l-award nazzjonali Young Reporters for the Environment. Hija Leader fil-Malta Girl Guides, u tagħmel xogħol volontarju fil-komunità, fosthom fil-parroċċa tagħha. Għandha mħabba speċjali għall-familja, għall-ħbieb u għall-annimali.

Matul is-serata tal-bieraħ saru diskorsi minn numru ta’ kelliema, fosthom mill-President tal-Kumitat tal-Parlament dwar l-Affarijiet Soċjali Katya De Giovanni; ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea; ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo; u l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione li fi tmiem l-attività ppreżenta wkoll il-Premju Formidabbli lis-sitt rebbieħa.


Is-serata kienet tinkludi wkoll is-sehem ta’ Ramires Sciberras, li wara li rebaħ il-Malta Junior Eurovision Song Contest, irrappreżenta lil pajjiżna fil-Junior Eurovision Song Contest 2024 li sar f’Madrid fi Spanja, fejn ikklassifika fil-ħames post bil-kanzunetta Stilla Ċkejkna. Fi tmiem l-attività rappreżentanti tal-Caritas Malta, Hospice Malta u l-YMCA kienu ppreżentati b’donazzjoni li se tgħin lit-tliet NGOs fil-ħidma tagħhom.
B’inizjattivi bħall-Premju Formidabbli, il-PN jibgħat ukoll messaġġ dwar l-importanza li nirrikonoxxu anke lil dawk li jkunu għaddejjin minn sfidi fiżiċi jew soċjali. Filwaqt li huwa importanti li nuru gratitudni lil dawn il-persuni anke fil-pubbliku, inħeġġu wkoll lis-soċjetà tagħna biex tkun aktar sensittiva għall-bżonnijiet tal-oħrajn.

Għall-Partit Nazzjonalista, kull persuna hija importanti u għandha sehem x’tagħti, minkejja l-ostakli li tista’ tiffaċċja. U l-PN jibqa’ impenjat li jibqa’ jaħdem kull tip ta’ diskriminazzjoni waqt li jwiegħed li jibqa’ joħroġ b’miżuri u inizjattivi biex ħadd ma jibqa’ lura fis-soċjetà tagħna.
//= $special ?>