Hekk kif il-ġuri issa daħal f’fażi mill-aktar delikata, id-difiża kompliet tixħet dubji fuq il-verżjoni tal-avvenimenti li ppreżenta wieħed mill-akkużati ewlenin fil-każ tal-qtil doppju ta’ Chirs Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski f’Tas-Sliema.
Matul is-sitt jum tal-ġuri, il-ġurati semgħu x-xhieda dettaljata ta’ Jesper Kristiansen – wieħed mit-tliet irġiel mixlija bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski – li rrakkonta kif dak li kellu jkun serqa sempliċi spiċċa f’xena ta’ omiċidju doppju.
Kristiansen, li diġà qiegħed iservi 40 sena ħabs wara li ammetta l-involviment tiegħu, qal li dan kollu beda bil- pjan ma’ Daniel Muka biex jisirqu dar fejn kienu jgħixu żewġt irġiel magħrufa li jilbsu id-deheb u li għandhom il-flus. Huwa stqarr li Dragomanski, it-tielet akkużat, kien xettiku li jieħu sehem u baqa’ barra waqt il-pjanijiet inizjali.
Skont ix-xhieda tiegħu, fil-lejl tal-inċident, Muka daħal fid-dar waqt li Kristiansen baqa’ barra. Ftit wara, sema’ l-sparaturi u għalhekk staqsa x’ġara b’Muka jgħid li kellu jispara. Jesper Kristiansen kompla jirrakanota kif wara, ra lil Muka jerġa’ jispara lejn it-taraġ u sema’ persuna taqa’ mal-art.
Kristiansen qal li huwa u Dragomanski baqgħu ma fehemux kif is-sitwazzjoni eskalat hekk. Huwa rrimarka li “dan kellu jkun break-in, mhux qtil”. Wara l-inċident, qalu li marru għand Dragomanski fejn naddfu l-ġojjellerija u Muka ddeċieda li jmur lura Tas- Sliema.
Fix-xhieda tiegħu, Kristiansen ipprova jagħmel distinzjoni bejn il-parti tiegħu u dik ta’ Muka, u sostna li Dragomanski ma kienx jaf li kien se jsir delitt.
Madanakollu, id-difiża qed tisfida l-kredibbiltà tiegħu, u tipprova turi li mhux kollox kif ġie rrakkontat.