Lokali

Titlef ħajjitha l-mara Ġermaniża involuta f’inċident fil-Furjana

It-toroq Maltin komplew jaħtfu l-ħajja ta’ aktar nies, hekk kif mara Ġermaniża ta’ 57 sena tilfet ħajjitha wara inċident serju tat-traffiku fi Triq Xatt Pinto, fil-Furjana. Dan huwa l-ħames inċident fatali f’temp ta’ xahar.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-1:15 p.m. nhar il-Ħamis 19 ta’ Ġunju, meta l-mara ntlaqtet minn karozza misjuqa minn raġel ta’ 52 sena residenti Ħaż-Żabbar. Fuq il-post issejjaħ tim mediku, u l-vittma ttieħdet b’urġenza lejn l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza. Madankollu, minkejja l-kura li ngħatat, hija mietet ftit tal-jiem wara minħabba l-ġrieħi gravi li sofriet.

Il-Maġistrat tal-Għassa Antoine Agius Bonnici ġie infurmat u nieda inkjesta sabiex jinġabru l-fatti kollha relatati mal-każ. Intant, il-Pulizija qed tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha.

Dan l-aħħar xahar kien wieħed ikrah fuq il-front tat-traffiku: ftit tal-jiem ilu raġel miet f’inċident f’Ħaż-Żebbuġ; qabel dan, kellna żewġ imwiet oħra matul il-festa tas-Sette Giugno – inkluż raġel li nqabad taħt trakk f’Ħal Far u sewwieq ta’ mutur li tilef ħajtu fl-Isla.

Ftit wara, miet raġel ieħor miż-Żejtun wara li ntlaqat minn żewġ vetturi fil-bypass ta’ Marsaskala waqt li kien fuq ir-rota.