Lokali

Abela jkompli jattakka l-BCRS – Proġett li welled hu stess

Il-Prim Ministru għoġbu jeħodha qatta’ bla ħabel kontra l-kumpanija BCRS. Dan wara li fl-aħħar xhur il-membri tal-Gvern kellhom jammettu li huma bosta l-problemi li ċ-ċittadin qed jaffaċċja meta sal-lum għadu jmur jixħet il-fliexken wiċċu mal-magni – fis-sħana, qalb l-irwejjaħ,  id-dubbien, il-kjuwijiet u l-magni kollhom intoppi.

Iżda fir-realtà, kien propju l-Gvern ta’ Robert Abela li ħareġ lill-poplu jixħet flixkun wieħed wara l-ieħor barra fit-toroq biex iġib lura għaxar ċenteżmu kull flixkun, kien ukoll bi qbil mal-Gvern li qiegħed il-magni f’zoni residenzjali għall-istorbju tal-karozzi jieqfu jbattlu l-fliexken u storbju ta’ ħġieġ jinkiser, flimkien mal-intejjen fiz-zona – għad-detriment tar-residenti.

U issa, Robert Abela għoġbu jipprova joħroġ ifuħ minn din is-sitwazzjoni.

Lura f’Jannar, il-Kap Eżekuttiv tal-BCRS, Alan Meilak, kien tkellem ma’ Net News fejn spjega li l-kumpanija kienet ilha tagħmel telf għal sentejn sħaħ fejn tħalliet għal riħha mingħajr iċ-ċans jew l-opportunità li tagħmel kwalunkwe profitt biex tlaħħaq mal-manutezzjonijiet tal-magni tagħha.

Intant, minflok għin biex dan il-proġett ikun suċċess kif kien imwiegħed mil-Labour… wegħdiet fiergħa u bċar fil-għajn… issa donnu se jarmi kollox hekk kif se jniedi proġett pilota biex issa jiġi jiġbor il-fliexken tal-ħġieġ u plastic lil dawk ir-residenti anzjani u li għandhom il-blue badge.

Dan filwaqt li ċ-ċittadin se jibqa’ wiċċu mal-magni għall-irwejjaħ – la jixtieq hekk, Robert Abela u l-Gvern immexxi minnu.