“Flimkien nistgħu nirnexxu. Il-Kap il-ġdid se jsibni warajh, f’kull tarġa li rridu nitilgħu. Jien irridek tirbaħ”.
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta illum indirizza l-Kunsill Ġenerali li tlaqqa’ fid-Dar Centrali tal-Partit Nazzjonalista. Fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar il-ħtieġa li pajjiżna ikollu gvern alternattiv kredibbli u aħjar minn dak tal-lum. Gvern li jkun ta’ kulħadd u li fih ikun hemm post għal kulħadd.
Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech spjega li kien propju l-Partit Nazzjonalista illi ġab l-Indipendenza għal pajjiżna, id-demokrazija u li fetaħ il-bibien beraħ sabiex pajjiżna fjorixxa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega illi kull kap għandu r-responsabbiltà politika, speċjalment f’mumenti diffiċli. Fejn spjega illi d-dmir tiegħu kien li jerfa’ r-responsabbiltà kollha ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech, f’wieħed mill-aħħar diskorsi tiegħu, spjega li dan huwa l-mument illi kulħadd iħares ‘l quddiem – għaliex il-Partit Nazzjonalista għandu fuq xhiex jibni, wara li ftit aktar minn sena ilu l-Partit Nazzjonalista kellu l-inqas distakk bejn iż-żewġ partiti fl-aħħar 17-il sena.
Huwa spjega wkoll l-Kap il-ġdid irid isib l-għajnuna sabiex iwelled ħolm ġdid, li jirrifletti dak li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin iridu. Hekk kif fil-Partit Nazzjonalista, l-poplu jrid jara Gvern alternattiv, li jkun ta’ kulħadd, u li jmexxi fl-interess tagħhom.
Bernard Grech ħa din l-opportunità sabiex jirringrazzja lil martu Anne Marie, lil uliedu Neil u Maria għal dawn l-aħħar ħames snin. Huwa rringrazzja wkoll lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, inkluż lil dawk li ma wrewx fiduċja lill-Partit Nazzjonalista, lill-uffiċjali tal-PN, kunsilliera u tesserati.
//= $special ?>