Ambjent Għawdex Lokali

Il-bajja tax-Xlendi kontaminata mill-ilma maħmuġ tax-xita


Skont id-Direttiva dwar l-Ilmijiet għall-Għawm, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika nforma lill-pubbliku li, bħala prekawzjoni, l-għawm mhux irrakkomandat fil-bajja ta’ Xlendi. Dan jikkonferma l-aħbar ippubblikata jumejn ilu minn Net News.

Fi stqarrija, intqal li wara x-xita tal-20 ta’ Ġunju, l-ilma tal-wied tax-Xlendi li nġarr mir-Rabat u numru ta’ lokalitajiet oħra miċ-ċentru t’Għawdex ‘l isfel, ġabar miegħu ħamrija u depożiti mill-wied, li  baqgħu neżlin fil-baħar.

Għaldaqstant, il-bajja tax-Xlendi ingħalqet għall-għawm minħabba li tinsab kontaminata minn dan il-ħmieġ.

Il-kwalità tal-ilma għall-għawm tista’ tkun affettwata, u għaldaqstant tista’ tippreżenta riskju għas-saħħa tal-għawwiema.

L-Uffiċjali tas-Saħħa Ambjentali (EHOs) qed jieħdu kampjuni mill-erba’ punti ta’ monitoraġġ fix-Xlendi sabiex jivverifikaw jekk il-kwalità tal-ilma kinitx affettwata. F’dan l-istadju, ma jistax jiġi mbassar kemm se jdum dan l-avviż.