L-investigaturi Taljani għadhom qed jipprovaw jikkonfermaw il-verità kollha marbuta mal-omiċidju ta’ Anastasia Trofimova; iż-żagħżugħa ta’ 28 sena li nstabet bla ħajja 200 metru bogħod mill-katavru ta’ bintha ta’ sena – it-tnejn mixħutin fuq il-ħaxix ta’ Villa Pamphili f’Ruma, it-tnejn abbandunati, mingħajr ħwejjeġ – maqtulin madwar ġimgħa bogħod minn xulxin….bl-uniku suspettat huwa l-partner u missier it-tarbija – l-Amerikan Francis Kaufmann.
U jekk ma jidher li hemm ebda dubju li Andromeda, ta’ sena neqsin ġimgħa, nqatlet msawwta u fgata, il-kawża tal-mewt tal-omm għadu misteru – għalkemm kollox qiegħed jindika li mietet fgata, x’aktarx b’xi tip ta’ imħadda.
Preżentament Kaufmann jinsab miżmum fil-ħabs ta’ Larissa wara li kien arrestat fil-gżira Griega ta’ Skiathos – hekk kif qed jistennew l-estradizzjoni lejn l-Italja. L-investigaturi Taljani jidher li m’għandhom ebda dubju li l-Amerikan qatel lil bintu madanakollu għadhom ma jafux kif inqatlet iż-żagħżugħa Russa.
Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-ispeċjalisti u analisti forensiċi qed janalizzaw sabiex jaraw hemm fingerprints fuq il-materjal u l-oġġetti li nstabu biswit l-omm – partikolarment il-materjal li bih il-kadavru għeri tagħha kien mgħotti.
Intant, filwaqt li huwa fatt magħruf li l-koppja flimkien ma’ binthom għamlu xhur joqgħodu f’appartament f’Marsascala – l-investigaturi Taljani għad m’għandhom ebda ħjiel fejn kienu qed joqgħodu proprju f’Ruma.
Kollox qiegħed jindika li l-appartament fejn kienu qed jirrisjedu ma kienx reġistrat b’mod regolari u li sid il-post, minħabba biża’ li jxellef dufrejh mal-liġi, għażel li jibqa’ fil-muta.
Il-fedina penali tal-Amerikan ta’ 46 sena, li kien jinħeba wara identitajiet fażulli fosthom Rexal Ford u Matteo Capozzo, turi affarijiet xejn sbieħ. Dan hekk kif kien diġà ġie arrestat 5 darbiet fuq aggressjoni u vjolenza domestika, filwaqt li kien ġie kkundannat 120 jum ħabs wara li ħebb għal persuna b’arma.
Omm iż-żagħżugħa, li mistennija tagħmel il-wasla tagħha fl-Italja wkoll, spjegat mal-midja Taljana li bintha kienet ġiet Malta lura f’Settembru tal-2023 biex tistudja l-Ingliż u li sat-2 ta’ Ġunju 2025 kienet għadha qed tikkorrispondi magħha permezz ta’ emails.
Intant, għadu mhux magħruf b’liema skuża l-Amerikan daħal Malta, u kif baqa’ jgħix f’pajjiżna mill-2021 sa minn tal-inqas Diċembru 2024.
//= $special ?>