Lokali

“Il-PN għandu jkun il-partit li jispira” – Alex Perici Calascione

“Ħadd mhu akbar mill-partit, u ebda partit mhu akbar mill-pajjiż. Il-politika trid tibqa’ servizz”.

Kien dan il-messaġġ li wassal dalgħodu, il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, hekk kif infetaħ uffiċjalment il-proċess li se jwassal biex jiġi elett is-suċċessur ta’ Bernard Grech fit-tmexxija tal-PN.

Hu qal li dan huwa l-bidu ta’ proċess li għandu jfisser riġenerazzjoni fil-ħsieb. “Il-PN għandu jkun kapaċi jispira, u jwassal lejn l-eċċellenza”.

Fl-elezzjoni tal-Kap irrid nagħmlu l-aqwa għażla b’moħħna u b’serenità, stqarr il-Viċi Kap tal-PN.

Fuq kollox, hu stqarr li l-PN irid joffri viżjoni friska u ambizjuża għal pajjiżna – viżjoni ibbażata fuq l-eċċellenza. “Ejjew naħdmu lejn pajjiż fejn terġa’ tirrenja l-ġustizzja, il-ġid u s-serjetà fit-tmexxija.”

Intant, Alex Perici Calascione qal li l-PN se jibqa’ rikonoxxenti lejn Bernard Grech. “Kien unur li naħdem miegħek”, stqarr Perici Calascione.