Internazzjonali

‘Il-vera gwerra bdiet issa’….L-Iran jikkonferma l-iżvilupp allarmanti għal-Lvant Nofsani u d-dinja wara li l-Istati Uniti attakkat lis-siti nukleari tar-reġim

Ir-reġjuni tal-Golf u l-Lvant Nofsani jinsabu f’xifer l-abbiss wara li l-qawwiet tal-Istati Uniti – kontra kull mistenni – wettqu numru ta’ attakki sistematiċi fuq is-siti nukleari tal-Iran….Azzjoni li qanqlet id-dikjarazzjoni tal-Iran li ‘il-vera gwerra mal-Istati Uniti u Iżrael bdiet minn issa’, f’ċirkustanzi li kapaċi jwasslu għal riżultati katastrofiċi għad-dinja kollha.

Intant, il-President Amerikan, Donald Trump, fl-aħħar sigħat, iltaqa’ mal-membri tal-iskwadra tas-sigurtà tiegħu u fejn huma diskutew u analizzaw il-pass li jmiss.

Dan wara li hu iddeċieda f’daqqa biex jaqsam mill-kliem għall-azzjoni meta, ftit tal-jiem ilu, kien sostna li kellu jiddeċiedi ‘fi żmien ġimgħatejn’ dwar jekk jinvolvix pajjiżu fil-konflitt ta’ Iżrael mal-Iran.

Madankollu, Trump, fl-aħħar sigħat, kellu biss kliem ta’ tifħir għall-qawwiet tal-ajru tiegħu li waddbu numru mhux speċifikat ta’ bombi fuq is-siti nukleari ta’ Fordow, Natanz u Esfahan,

Trump, waqt diskors lill-poplu Amerikan, qal li t-tlett siti spiċċaw ‘meqruda minn fuq il-mappa’ iżda l-ebda sorsi indipendenti ma jistgħu jikkonfermaw jekk dan kienx minnu jew le…. U waqt li ftaħar dwar ‘dan is-suċċess militari spettakulari’, il-President Amerikan wissa lill-Iran biex jibda minnufih in-negozjati għall-paċi ‘jekk ma jridx li jġarrab attakki akbar fil-futur’.

Il-Mexxej tal-Istati Uniti anki aċċenna għall-fatt li fadal diversi miri oħrajn fl-Iran jekk ir-reġim f’Tehran ma jikkommettix ruħu għall-paċi…Dan waqt li l-maġġoranza tad-deputati f’Washington qalu li ‘Donald Trump ħa azzjoni f’waqtha fil-konfront ta’ reġim Iżlamiku li hu l-akbar periklu għall-ġirien tal-Iran’….Dan ukoll fost l-istqarrijiet li l-azzjonijiet tas-Sibt bil-lejl kontra l-Iran urew li ‘l-Istati Uniti għandha l-aqwa qawwiet tal-ajru fid-dinja.’

Iżda diversi deputati mal-Partit Dedmokratiku Amerikan fl-Oppożizzjoni kundannaw lil Trump talli, fi kliemhom, kiser il-wiegħda biex jirristawra l-paċi fil-Lvant Nofsani. Huma sostnew li s-sogru għas-sigurtà tad-dinja issa kiber b’mod sostanzjali waqt li esprimew tħassib dwar il-militar tal-Istati Uniti li ilhom is-snin stazzjonati f’dak ir-reġjun.

Hu minnu li l-Istati Uniti għandha bejn 40,000 u 50,000 truppi stazzjonati fil-Lvant Nofsani u dawn diġà jinsabu fuq allert sħiħ wara l-aħħar żviluppi.

L-osservaturi, fl-aħħar sigħat, qablu li s-sitwazzjoni (iddominata mill-isparaturi reċiproċi tal-missili u d-drones ) bejn Iżrael u l-Iran issa eskalat ‘il hinn minn sempliċi konflitt għal-livell ta’ gwerra totali fil-Lvant Nofsani.

Il-Ministeru tad-Difiża Iżraeljan issa qed joħroġ aktar direttivi fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali u meta mistenni li Iżrael għandu jispiċċa mira għall-attakki aktar intensivi bil-missili ballistiċi min-naħa tal-Iran.

Il-kriżi attwali, sadanittant, daħlet f’din id-dimensjoni ġdida wara li l-qawwiet Iżraeljani kienu ilhom aktar minn ġimgħa jattakkaw Tehran u bnadi oħra tal-Iran bl-iskop li jeliminaw il-kapaċitajkiet u l-mexxejja militari tal-Istat fundamentalista.