Il-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-Partit Nazzjonalista tħabbar li mis-2pm tal-lum qed tilqa’ espressjonijiet tal-interess minn kandidati għall-kariga ta’ Kap tal-PN kif jipprovdi l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fis-sessjoni ta’ dalgħodu nieda l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Għalhekk il-Kummissjoni Elettorali tal-PN issa fetħet il-perjodu li matulu qed titlob dikjarazzjonijiet ta’ interess minn membri tal-Partit Nazzjonalista interessati li jikkontestaw għall-kariga ta’ Kap. Għal din il-kariga jistgħu jikkontestaw biss membri tal-Partit Nazzjonalista bit-tessera mħallsa skont il-provvedimenti tal-Istatut tal-PN.
Kif jistipula l-istess Statut, din is-sejħa għall-espressjoni tal-interess minn kandidati prospettivi se tibqa’ miftuħa għal sebat ijiem. Dan ifisser li d-dikjarazzjonijiet mill-kandidati interessati għandhom jaslu għand iċ-Chairperson tal-Kummissjoni sal-Ħadd 29 ta’ Ġunju 2025 fis-2pm.
Id-dikjarazzjoni ta’ interess għandha ssir fuq formola apposta li tista’ tintalab lill-Kummissjoni Elettorali permezz ta’ email fuq kummissjonielettorali@pn.org.mt, inkella titniżżel mill-website tal-Partit Nazzjonalista fejn inħolqot paġna apposta fl-indirizz pn.org.mt/elezzjoni-kap.
Il-formola għandha tiġi sottomessa bl-idejn lill-Kummissjoni Elettorali skont kif imniżżel fl-istess formola. Kull membru li jissottometti l-formola se jingħata riċevuta.
Il-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-PN se tkun qed tikkomunika minnufih b’mod pubbliku l-ismijiet ta’ dawk li jkunu esprimew l-interess tagħhom, permezz ta’ stqarrija għall-media ma’ kull dikjarazzjoni li tidħol matul il-jiem li ġejjin.
//= $special ?>