Internazzjonali

L-attakk tal-Amerikani fuq in-nukleari tal-Iran… reazzjonijiet mill-Istati Għarab

Il-pajjiżi Għarab, fl-aħħar sigħat, ma żammewx lura mir-reazzjonijiet għall-attakki fuq is-siti nukleari tal-Iran –bl-Oman, li sa ftit ilu kien qed iservi bħala medjatur bejn l-Istati Uniti u Tehran, jikkundanna dawn l-azzjonijiet fost twissija kontra eskalazzjoni tal-kriżi għall-iskaptu tal-pajjiżi tal-Golf u l-Lvant Nofsani.

L-Arabja Sawdija, li għandha rabtiet ta’ sigurtà sodi mal-Istati Uniti, ukoll ikkundannat ‘l-abbuż tas-sovranità tal-Iran’ u ħeġġet biex il-partijiet involuti jeżerċitaw il-massimu tal-kontroll. Il-kelliema f’Riyadh sejħu wkoll biex il-komunità internazzjonali żżid l-isforzi għal soluzzjoni politika f’dawn iċ-ċirkustanzi mill-aktar sensittivi.

Il-Gvern tal-Qatar wissa li din is-sitwazzjoni mill-aktar perikoluża għandha, ‘il quddiem, tirriżulta f’riperkussjonijiet diżastrużi fuq livell reġjonali u daqstant ieħor internazzjonali. Hawnhekk ukoll spikkat is-sejħa biex in-naħat involuti fil-gwerra jagħmlu minn kollox biex inaqqsu l-potenzjal ta’ konflitt aktar mifrux.

L-Eġittu, intant, wissa dwar il-periklu li l-Lvant Nofsani jkompli jegħreq f’baħar ta’ kaos u tensjoni. Il-Gvern fil-Kajr tenna wkoll li l-unika triq ‘il barra mill-kriżi ‘tibbaża fuq is-soluzzjoniijiet politiċi u negozjati diplomatiċi aktar milli xi azzjonijiet militari’.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Libanu, Joseph Aoun, qal li l-attakki fuq is-siti nukleari tal-Iran żiedu bil-kbir il-periklu għas-sigurtà u l-istabbilità mhux biss għal-Lvant Nofsani u l-Golf iżda anki għal ħafna pajjiżi u reġjuni oħra tad-dinja.