Internazzjonali

L-Istati Uniti twettaq attakk fuq siti nukleari fl-Iran

Ritratt: SkyNews

Fl-aħħar sigħat, l-Istati Uniti wettqet attakk fuq tliet siti nukleari fl-Iran.

L-attakk, li qed ikun deskritt minn Donald Trump, bħala wieħed ta’ suċċess, seħħ bejn il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd, fuq is-siti Natanz, Isfahan u Fardow.

Bil-President Amerikan Donald Trump jindirizza lin-nazzjon fejn iddeskriva din l-operazzjoni bħala waħda ta’ suċċess u li qerdet il-faċilitajiet nukleari Iranjani totalment. Minkejja dan, rapporti internazzjonali qed jiddikjaraw li dan mhux minnu, għaliex fl-attakki kienu biss l-entraturi ta’ dawn il-faċilitajiet li ntlaqtu.

Minn naħa l-oħra, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Iranjan Seyed Abbas Araghchi ddeskriva dan l-attakk bħala wieħed perikoluż immens, kriminali u kontra l-liġi. U huwa propju għalhekk li tenna li pajjiżu, jirriserva kull mod li se jkun qed jirritalja bih.

Huwa spjega li dan l-attakk imur kontra c-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti, u anke l-liġi internazzjonali u għaldaqstant l-Iran huwa intitolat li jipproteġi lilu nnifsu kontra dan l-attakk b’kull mod possibbli.