Raġel ta’ 60 sena nżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi lil missieru ta’ 84 sena.
L-akkużat deher fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, fejn kien mixli li ta fastidju lil missieru, beżżgħu u li kiser kundizzjonijiet tal-Qorti.
Dan il-każ imur lura għal 14 ta’ Ġunju meta l-vittma għamel rapport lill-Pulizija dwar ibnu u ppreżenta ċertifikat mediku tal-ġrieħi li sofra.
Il-vittma għamel rapport li dik il-ġurnata ibnu kien mar quddiem id-dar tliet darbiet iħabbatlu, fejn qal li ibnu heddidhom li ried jidħol f’darhom sabiex jieħu sodisfazzjon u li kien se joqtolhom.
Fil-Qorti ntqal li r-raġel daħal fid-dar tal-ġenituri u waqt argument kkaġunalu ġrieħi gravi.
Il-prosekuzzjoni spjegat li nħeles mill-arrest għax zitu daħlet garanti għalih imma s-Sibt l-anzjan reġa’ ċempel lil-Pulizija, fejn oġġezzjona għat-talba tal-ħelsien mill-arrest għar-raġuni li l-akkużat jgħix mal-ġenituri.
Minn-naħa tagħha, id-difiża qalet li l-akkużat xtara appartament imma ma jistax imur jgħix fih għax għadu ma sarx il-kuntratt.
Intant, Il-Maġistrat Rizzo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>