L-Arċisqof Charles Scicluna mexxa l-quddiesa fis-Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù (Corpus Christi), li saret il-Ħadd filgħodu fil-Katidral ta’ San Pawl l-Imdina.
Matul din il-quddiesa, ġie ċċelebrat lokalment il-Ġublew tal-Għaqdiet u l-Movimenti Kattoliċi, bis-sehem ta’ rappreżentanti minn diversi għaqdiet li jagħtu sehemhom fil-ħajja tal-Knisja f’Malta.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof fakkar li l-Knisja llum qed tfakkar l-Ewkaristija tal-Mulej, “l-ikel li jimla’ l-qalb tagħna bil-paċi u l-ferħ, li jagħtina tassew risposta għall-ġuħ kbir li hemm fil-qalb tagħna għall-imħabba, għal għatx kbir li hemm fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna għall-paċi u l-hena tassew”.
Huwa qal li l-festa tal-lum tfakkarna f’Ġesù ħaj, għalhekk, “nitolbu biex f’din il-festa tal-Ewkaristija, nibqgħu kultura li tfejjaq mhux toqtol; li ma nagħtux lil xulxin sustanza li toqtol. Il-Mulej irid il-kura li takkumpanjak sal-aħħar nifs ta’ ħajtek”.
Fil-festa tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù, li hu l-Prinċep tal-Paċi, l-Arċisqof talab għad-don tal-paċi fid-dinja, fejn il-loġika tal-vjolenza hija suprema.
L-Arċisqof talab ukoll sabiex pajjiżna jkun imbierek bid-don tat-tfal u rringrazzja lill-ġenituri talli jressqu lit-tfal tagħhom għas-Sagramenti. Irringrazzja wkoll lil kull min ħa sehem f’din il-quddiesa u ċċelebraw flimkien l-Ewkaristija.

Fi tmiem il-quddiesa l-Arċisqof Scicluna stedien lin-nies preżenti biex jakkumpanjawh f’purċissjoni bl‑Ewkaristija, li bdiet mill-Katidral u għaddiet mit-toroq tal-madwar bis-sehem ta’ 14 tifel u tifla li s-Sibt rċevew l-Ewwel Tqarbina fil-parroċċa tal-Imdina.
Għall-purċissjoni attendew il-membri tal-għaqdiet u l-movimenti, l-Ordni tas-Santu Sepurklu u l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat.
//= $special ?>