Lokali

“Il-PN se joħroġ aktar b’saħħtu milli qatt kien” – Charles Bonello

“Għandna responsabbiltà kbira fuqna. Fil-ġimgħat li ġejjin se jiġi elett Kap ġdid. U għalhekk, dan il-proċess irid isir b’serjetà u dixxiplina”.

Dan kien il-messaġġ li wassal is-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, li tkellem dwar ir-responsabbiltà li kull membru tal-partit irid iġorr tul dan il-proċess kollu – sabiex il-PN joħroġ aktar b’saħħtu milli qatt kien.

Fil-Kunsill Ġenerali tal-Ħadd, is-Segretarju Ġenerali tal-PN preżenta lista tal-kisbiet li wettaq il-PN fl-aħħar snin; speċjalment fl-elezzjonijiet tas-sena li għaddiet. Dan apparti ħidma fil-Parlament, u barra l-Parlament.

Fid-diskors tiegħu, Charles Bonello irringrazzja lill-Kap tal-PN Bernard Grech, li issa se jkun qed itemm mill-irwol tiegħu fit-tmexxija tal-partit. “Taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech, il-PN kompla jissaħħaħ u jingħaqad”. Dan apparti li tnieda l-proċess għal-formolazzjoni tal-Programm Elettorali, li qed ikun koordinat minn George Vital Zammit.

Waqt il-Kunsill Ġenerali, quddiem sala ippakjata, Charles Bonello sellem ukoll lil Michael Piccinino għall-ħidma li wettaq fl-aħħar snin bħala Segretarju Ġenerali. Tislima speċjali anke lill-memorja ta’ Karl Gouder.

Il-Kunsill Ġenerali infetaħ mill-President Mark Anthony Sammut illi fid-diskors tiegħu irrefera għall-identità tal-Partit Nazzjonalista. B’Sammut jappella biex il-PN ma jieqaf qatt ikun kburi b’dak li wettaq tul is-snin u b’dak li jsawwru – partit li dejjem ħadem għall-ġid komuni, li jemmen fil-ħaddiema, fil-familja, favur il-libertà u l-ġustizzja.

Mark Anthony Sammut insista li l-PN se jerġa’ jkun dak il-partit li jwettaq riformi politiċi, u l-bidla teknoloġika li għandu jidħol għaliha pajjiżna.

“Aħna rridu nkunu gvern ġenwin – xi ħaġa li tiddistingwina minn ħaddieħor”.

Hu irringrazzja lil Bernard Grech – flimkien mal-familja kollha tiegħu – għax-xogħol, id-dedikazzjoni u l-impenn li wera f’dawn il-ħames snin. “Int urejt fiduċja f’ġenerazzjoni ġdida ta’ żgħażagħ, u taħt it-tmexxija tiegħek il-partit ġab l-aqwa riżultati fl-aħħar 16-il sena”.

Wara Mark Anthony Sammut, tkellem Mario Callus, il-President tal-Kummissjoni Elettorali, illi fisser il-proċess kollu li se jkun qed iwassal għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-PN.

Hu ħabbar li ż-żmien għall-espressjonijiet ta’ interess mill-persuni li jridu jidħlu għal din il-kariga, se jkun qed jiftaħ illum stess – fis-2pm.

Fil-Kunsill Ġenerali ġew approvati r-regolamenti għall-elezzjoni tal-Kap tal-PN. Ġiet approvata wkoll emenda proviżorja fl-Istatut tal-PN, biex żgħażagħ ta’ 18-il sena jkunu jistgħu jivvutaw jekk ikunu ilhom tesserati għal mill-inqas sitt xhur.

L-istess Kunsill Ġenerali approva mozzjoni ta’ ringrazzjament għall-Kap tal-PN Bernard Grech, u x-xogħol li wettaq f’dawn il-ħames snin.