Internazzjonali

Stati Uniti: Bombi tat-tip ‘bunker-busting’ għal kontra l-faċilitjiet nukleari taħt l-art

Waqt l-aħħar attakki mill-Amerikani fuq l-Iran, numru ta’ bombers tat-tip B-2 waddbu l-bombi kbar tat-tip bunker buster fuq il-faċilità ta’ Fordow għall-irraffinar tal-uranjum li kapaċi jintuża fil-produzzjoni tal-armi nukleari.

Din il-faċilità tinsab fil-fond nett tal-art u huma biss dawn il-bombi sofistikati li kapaċi jħallu impatt sostanzjali…Kalibru ta’ bombi li ma għandu l-ebda pajjiż ieħor ħlief l-istati Uniti.

L-Uffiċjali Amerikani u Iżraeljani qablu li huma biss b’dawn il-bombi u bis-stealth bombers li jistgħu jeqirdu s-siti tan-network nukleari tal-Iran – bil-bunker busters kapaċi jippenetraw sa fond ta’ 60 metru qabel jisplodu.

Madankollu ħadd, għalissa, ma jaf il-vera impatt tal-attakk fuq il-faċilità ta’ Fordow li s-sezzjonijiet tagħha, skont ir-rapporti, jinsabu l-mijiet tal-metri taħt l-art.

Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan Donald Trump qal li numru ta’ stealth bombers tat-tip B-2 ħadu sehem fl-attakki fuq l-Iran għalkemm ma speċifikax it-tip tal-bombi li ntużaw waqt l-azzjoni. Dan waqt li l-White House f’Washington u l-Pentagon ma provdewx dettalji dwar l-istrateġiji u tattiċi partikulari li xprunaw din l-offensiva.

Fl-istess ħin, jibqa’ il-fatt li l-Istati Uniti se tkompli żżid il-preżenza tal-qawwiet tal-ajru fil-Lvant Nofsani u li għandhom jikkonsolidaw l-hekk-imsejħa battle groups tal-Amerikani fl-inħawi.

Sadanittant, l-indikazzjonijiet huma li l-Iran qed iħejji reazzjoni fil-konfront  tal-Istati Uniti…Reazzjoni li tista’, primarjament, tkun indirizzata għall-bażijiet tas-suldati Amerikani fir-reġjun. Madankollu, hemm ukoll il-possibbiltà li r-reġim tal-Ayatollah Ali Khamenei  jaddotta politika pjuttost kawta f’dan  ix-xenarju minħabba s-superjorità indiskutibbli tal-Istati Uinti fejn jidħlu l-kapaċitajiet militari.