Lokali

Tħassib dwar binja oħra f’Paceville

Hemm proprjetà oħra f’San Ġiljan, fiż-żona ta’ Paceville, li qed tiġi indikata bħala waħda f’riskju.

Dan hekk kif l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, fetħet rapport mal-Pulizija b’rabta mal-binja magħrufa bħala tal-Burger King – proprju fil-qalba ta’ Paceville.

Skont diversi sorsi, il-BCA qed tisħaq li l-binja, li tinsab kantuniera ma Triq id-Dragunara u Triq il-Wilga, qed tiddeterjora – binja li mhux biss għandha l-istabbiliment tal-fast food, iżda wkoll stabbiliment magħluq u diversi appartamenti b’sidien varji.

Kollox beda meta ġiet innotata qasma kbira fil-binja minn fuq il-bejt s’isfel. Periti li tkellmu mal-gazzetta MaltaToday saħqu li hemm kolonni tal-binja li jeħtieġa tiswijiet imminenti, b’kelliema għal kumpanija Trident Estates pls saħqu li għaddejjin diskussjonijiet mas-sidien l-oħrajn biex tinstab soluzzjoni.

F’rapport li l-kumpanija rċeviet f’Settembru tal-2024, kien innotat deterjorazzjoni x’aktarx minħabba penetrazzjoni tal-ilma minn xi xafts, jew l-abbandun ġenerali tal-binja.

Intant il-BCA spjegat li dan il-każ huwa kompletament differenti mill-każ tal-binja li ġġarfet fil-jiem li għaddew f’Paceville, iżda hija mossa ta’ prevenzjoni bil-għan li inċidenti simili bħal dawk tal-kroll ta’ Tania Flats jiġu evitati.