Lokali

Binjiet Illegali u Sistema Difettuża: Pajjiżna għadu jistenna riforma fil-proċess tal-appelli tal-ippjanar


Numru ta’ għaqdiet qed jerġgħu jsejħu għal riforma immedjata fil-liġi assurda tal-appelli fil-qasam tal-ippjanar, li attwalment tippermetti li x-xogħlijiet tal-kostruzzjoni jibdew u jitlestew waqt li jkun għaddej appell fuqhom.

Iktar minn sentejn wara li l-Prim Ministru Robert Abela nnifsu kien għaraf l-assurdità f’din il-liġi u wiegħed li se tiġi riformata — u wara li għaddew ukoll 3 xhur minn meta s-CEO tal-Awtorità tal-Ippjanar, Johann Buttigieg, kien wiegħed li r-riforma se tiddaħħal fi żmien 3 xhur — pajjiżna għadu jġarrab l-inġustizzja ta’ din il-liġi bażwija li baqgħet ma nbidlitx.

Fil-preżent, it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) jista’ jagħżel li jirrifjuta t-talba għal sospensjoni tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni sakemm ikun għaddej l-appell. Fl-ebda sfera oħra ma teżisti l-assurdità li deċiżjoni ta’ awtorità tal-Gvern issir immedjatament esegwibbli, anki waqt li jkun għaddej appell. Dan jeżisti biss fil-qasam tal-ippjanar

Minħabba din l-assurdità kellna proġetti sħaħ li laħqu nbnew sakemm inqata’ l-appell. Proġetti massiċċi li ħallew ħerba fl-irħula tagħna — bħal dawk ġewwa l-Qala u s-Sannat — ġew iddikjarati illegali mill-Qorti meta kienu diġà laħqu nbnew.

It-tkasbir tad-deċiżjonijiet tal-Qorti, iżda, laħaq livell ieħor bla preċedent meta l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) reġgħet ħarġet permessi ta’ “sanzjonar” għall-istess żviluppi li kienu ġew iddikjarati illegali mill-ogħla Qorti ta’ pajjiżna. Mhux biss l-awtoritajiet ma ħadu ebda azzjoni biex strutturi illegali jiġu żarmati wara li l-permess tagħhom ġie revokat mill-Qorti tal-Appell, iżda saħansitra reġgħet ħarġitilhom l-istess permess.

Is-saltna tad-dritt f’pajjiżna qed tiġi sostitwita mis-saltna tal-iżviluppaturi.

Propju bħalissa, il-case officer tal-PA qed jirrakkomanda li binja illegali fix-Xewkija joħorġilha permess ta’ sanzjonar wara li l-permess oriġinali tagħha tħassar mill-Qorti fl-2023 għaliex imur kontra l-liġijiet tal-ippjanar.

L-iżviluppatur Għawdxi “il-Ġiegu” qed jippreżenta 3 applikazzjonijiet separati għal 3 blokok fi ħdan l-istess binja ta’ appartamenti biex il-binja illegali tiġi ssanzjonata. Id-deċizjonijiet mistennija li jittieħdu mill-PA fl-24 ta’ Ġunju u fl-1 ta’ Lulju.

L-għaqdiet tennew ukoll li r-riforma għandha tħares il-ġustizzja u l-ġid komuni. Huma esprimew it-tħassib tagħhom għal indikazzjonijiet li r-riforma taf timponi perjodi ta’ żmien qosra ħafna li fihom iridu jinqatgħu l-appelli. Kwalunkwe perjodu ta’ żmien impost irid jassigura li l-appell ikun jista’ jitħejja u jiġi mismugħ b’mod effettiv, sabiex id-dritt li wieħed jappella jkun irrispettat u ma tinħoloqx pressjoni żejda fuq l-istituzzjonijiet. Għandu wkoll ikun hemm perjodi itwal għal proġetti massivi li għalihom ikun sar Environmental Impact Assessment (EIA).

Il-proliferazzjoni ta’ binjiet illegali f’pajjiżna, u l-prattika ġdida li dawn jiġu ssanzjonati wara li jitħassrilhom il-permess mill-Qorti, qed ixejnu l-ġustizzja f’pajjiżna u l-kapaċità tal-poplu li jipparteċipa b’mod demokratiku fil-proċess tal-ippjanar.

Għalhekk appellaw lill-Prim Ministru biex idaħħal minnufih riforma daqstant bażika u essenzjali, u biex ma jkomplix iwarrab il-kwalità tal-ħajja tagħna, jimmina l-Qorti, u jissagrifika l-gżejjer tagħna għall-forzi tar-regħba.