“Mid-dehra ma tmurx tixtri l-Ministru.”
“L-għoli tal-ħajja mhux iħossuh”
Dawn huma biss ftit mill-mijiet ta’ kummenti fuq il-midja soċjali b’reazzjoni għal dak li qalet il-ġimgħa l-oħra l-Ministru Julia Farrugia…meta ġiet mistoqsija dwar il-piż tal-għoli tal-ħajja.
Wara dawn il-kummenti, in-nies qed jinsistu li l-Ministru mhix “fit for purpose” u li bit-tweġibiet tagħha “vera tidher li mihiex preparata f’xogħolha”.
Kien nhar il-Ġimgħa li għadda meta Julia Farrugia naqset milli twieġeb mistoqsija ċara u sempliċi: X’inhi r-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna. Bin-nies jgħidu li bħal donnu l-Onorevoli “mhix qiegħda tgħix Malta, għaliex tinsab ‘il bogħod mir-realta’.”
Skont ċifri ppubblikati mill-Eurostat, r-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta fl-aħħar xahar laħqet 2.7%, li hi ferm ogħla mill-medja taż-żona ewro, li bħalissa tinsab 1.9%. Dan ifisser li waqt li f’pajjiżi oħra l-prezzijiet qed jonqsu, hawn Malta għadhom jiżdiedu.
L-effett ta’ dan kollu qed jinħass b’mod dirett fil-but tan-nies, b’mod partikolari fuq prodotti essenzjali bħall-ikel u affarijiet bażiċi oħrajn. Minkejja dan, flok offriet tweġiba jew spjegazzjoni, il-Ministru għażlet li tinjora d-domanda, u minflok attakkat lil dan l-istazzjon.
Kummenti fuq il-midja soċjali saħqu li “Dan il-Gvern għamel l-akbar investiment… għal butu”.
Ħafna oħrajn fakkru li l-poplu ilu jbati, filwaqt li nies fil-Gvern “bil-paga li għandhom mhux ha jħossuh zgur l-għoli tal-ħajja”.
Gvern deskritt bħala wieħed li baqa’ jwebbes rasu, ma jismax l-polz tan-nies u t-tbatijiet li qed jgħaddu minnhom ta’ kuljum.
//= $special ?>