Lokali Parlament

Il-gvern jibqa’ għaddej japprova biss it-tibdil li ried hu fil-kostituzzjoni

Minkejja l-appelli tal-PN biex ikun hemm diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni għal tibdil ħolistiku u fejn meħtieġ fil-kostituzzjoni, il-gvern illum baqa’ għaddej u fil-parlament approva biss it-tibdil li ried hu.

Il-parlament illum ivvota dwar dawn l-emendi f’seduta li fiha l-Oppożizzjoni, permezz tad-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici, għamelt dikjarazzjoni tal-vot u spjegat għaliex kienet se tivvota kontra l-emendi li ressaq il-gvern.

F’isem l-Oppożizzjoni Carm Mifsud Bonnici għamel dikjarzzjoni ta’ vot li fiha qal li l-PN hu favur riforma sħiħa tal-kostituzzjoni u mhux bil-biċċiet kif qed jagħmel il-gvern. Hu kompla li kull tibdl għandu jseħħ wara konultazzjoni wiesa’ mhux biss mal-partiti iżda mas-soċjetà u maċ-ċittadini. It-tibdil fil-kostituzzjoni m’għandux isir bil-biċċiet iżda f’riforma sħiħa iggwidata mill-President ta’ Malta, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Carm Mifsud Bonnici kompla li b’dispjaċir il-gvern injora dan kollu u baqa’ għaddej meta jaf li m’hemmx qbil mal-Oppożizzjoni. Il-gvern qed ibiddel il-proċedura anki meta l-klaswoli jeħtieġu l-vot taż-żewġ terzi, sostna Carm Mifsud Bonnici.

Hu qal li għalhekk il-PN se jivvota kontra kull votazzjoni fl-istadju tat-tielet qari.